Chris Fearne iġebbed l-argument tal-kap tal-Oppożizzjoni dwar is-saħħa.

Fl-aħħar ġurnata tal-Parlament Malti għas-sena 2021 kellna ħafna voti biex jgħaddi il-budget. Minn daqstant voti kien hemm okkażżjoni waħda fejn membru tal-Kamra talab biex jgħaddi kumment. Dan kien il-Kap tal-Oppożizzjoni li xtaq jagħmel kjarifika fuq il-vot li kienet se tieħu l-Oppożizzjoni. Fil-fatt f’dak il-ħin partikulari, fejn kien qed jittieħed vot fuq is-saħħa, Dr Bernard Grech qal hekk:

Ngħid daqsxejn kelmtejn dwar dan il-vot. M’hijiex diskussjoni. Xtaqt nagħmel kjarifika fuq il-vot tagħna… Fid-dawl anki tat-tieni parti tar-rapport li l-Awditur Ġenerali llum wasslilna fejn jekk naqra biss l-aħħar sentenza, ‘the NAO’s concern regarding these key shortcomings is heightened when seen within the context of the multiple failures in good governance, accountability and transparency that characterises flawed concession’. Dan wara ukoll dikjarazzjoni li l-istess Stewards għamlet propju fil-qrati fejn hi stess qed tgħid li dan huwa kuntratt frawdolenti u allura llum jekk xi darba l-Prim Ministru kellu xi tip ta’ skuża li jista’ jpoġġi ‘l quddiem li ma kienx jaf xi ftiehem Konrad Mizzi minn wara dahar kulħadd, ħaġa li hija kontestata, illum il-fatti huma magħrufa permezz tar-rapport tal-Awditur Ġenerali u għaldaqstant l-Oppożizzjoni se tivvota kontra biex tibgħat il-messaġġ ċar li hija kontra din il-konċessjoni filwaqt illi l-Gvern illi jibqa’ jivvota favur Konrad Mizzi u dak li għamel hu jfisser li qed isir kompliċi għal dan illi huwa qiegħed isir f’serq sfaċċat lill-poplu Malti u Għawdxi kollu”.

Dr. Fearne qam fil-Parlament jirribatti din id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Dr Fearne beda jgħid hekk:

Il-Kap tal-Oppożizzjoni llum qed jitlobna biex nivvutaw kontra l-vot tas-saħħa għas-sena li ġejja”.

Dr Fearne kompla jgħid:

Qatt ma kien hawn dikjarazzjoni daqshekk irresponsabbli ġo din il-kamra minn kemm ili membru jien għal dawn l-aħħar disa’ snin”.

Dr Fearne kompla jgħid li Dr Grech kien qed jħajjar membri tal-Kamra biex ma jivvutawx favur il-flus għat-tobba, nurses u semma ħafna affarijiet fuq din il-linja ta’ ħsieb. Jidher li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma semmiex preċiżament għaliex bħala l-Oppożizzjoni kienet ser tivvota kontra l-ispiża fis-saħħa, anki jekk hu normali li l-Oppożizzjoni tivvota kontra – kif dejjem tagħmel kull oppożizzjoni f’dawn is-sitwazzjonijiet. Biss fl-opinjoni tiegħi Dr Fearne ma kellux lanqas iġebbed kliem Dr Bernard Grech biex jagħti tifsira ta’ xi ħaġa li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma qalx.

Hija tassew ħasra li meta jsiru ċertu diskorsi fil-Parlament dawn jittieħdu barra mil-kuntest tagħhom, jew jiġi mġebbed il-kliem li jintuża biex ifisser xi ħaġa li ma ntqalitx. Ser inħalli f’idejn il-qarrejja ta’ dan is-sit biex ikomplu jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom fuq dan il-battibekk qasir imma sinifikattiv li sar fl-aħħar ġurnata tal-Parlament għas-sena 2021.

Leave a Reply