Where your opinion counts

Għaliex il-kumment ta’ Lawrence Gonzi fuq il-kannabis mhux f’waqtu?

Jeżistu eks-Kapijiet fil-Partit Nazzjonalista li ma jafux iżommu posthom u joqgħodu pass lura kif jgħaddu l-kummenti tagħhom. Din għada kif ġrat f’dawn l-aħħar siegħat meta Dr Lawrence Gonzi poġġa fuq il-Facebook page tiegħu kumment li, mingħajr dubju, huwa ndirizzat lill-Kap preżenti Bernard Grech.

Jien wieħed kritiku ħafna ta’ Bernard Gerch. Biss kapijiet ta’ qabel iridu joqogħdu lura milli jikkritikaw kap sedenti – huwa min huwa. Dr Lawrence Gonzi kien ixxurtjat għax matul it-tmexxija tiegħu tal-Partit Nazzjonalista u tal-pajjiż kellu lil Dr Eddie Fenech Adami. Meta Eddie Fenech Adami ddeċieda li jieqaf mill-politika partiġġjana, qatt ma ndaħal fit-tmexxija tal-partit. Dr Fenech Adami dejjem irraġuna li ż-żmien tiegħu fit-tmexxija kien għadda u kellu jħalli f’idejn is-suċċessur tiegħu. Jekk kienx ikun hemm diskussjoni personali, dik ma nistax ngħidha, imma li hu żgur li qatt ma kien hemm indħil fuq livell pubbliku.

Fl-opinjoni ta’ ħafna u ta’ diversi ġurnalisti Dr Lawrence Gonzi tefa’ botta jew suġġeriment mhux mitlub, lil Dr Bernard Grech, biex jikkommetti ruħu li jekk jitla’ fil-Gvern iwarrab din il-liġi mill-aktar fis possibbli bil-metodi kollha leġittimi.

Waqt li jien ma naqbilx ma din il-liġi u ninsab ċert li din ser tkun emendata ‘l quddiem, irrispettivament min ikun fil-gvern, dan huwa indħil mhux mitlub lit-tmexxija preżenti. Dr Gonzi ma jistax jikkommetti kap ta’ partit kif għandu jaġixxi meta jkun fil-Gvern.

Din mhux l-ewwel darba li kien hemm dan l-indħil min-naħa ta’ eks-kapijiet. Kulħadd jiftakar kemm indaħal Simon Busuttil matul it-tmexxija ta’ Dr Adrian Delia. Kien hemm ħafna okkażżjonijiet meta Busuttil kien poġġa f’sitwazzjoni antipatika lis-suċċessur tiegħu u kien hemm ħafna kritika għall-azzjonijiet tiegħu.

Illum qed naraw lil Dr Gonzi jesprimi opinjonijiet li jistgħu jsarrfu bħala ndħil lill-kap tal-lum. Dan ma għandux isir b’mod pubbliku imma jekk irid jgħaddi xi opinjoni jew suġġeriment lill-kap bħalissa għandu jagħmlu b’mod dirett u fil-privat bejniethom. Ebda ġid ma joħroġ meta eks-Kap jipprova jindaħal lill-Kap tal-ġurnata. Jekk Dr Gonzi ried jingħaqad mal-kor kollu ta’ nies li kienu u huma kontra din il-liġi seta’ bil-kumdita kollha, imma ma kellux għalfejn ipoġġi lil Dr Bernard Grech f’sitwazzjoni imbarazzanti li spiċċa l-kap il-lum jirrispondi mistoqsijiet antipatiċi fuq dak li kiteb Dr Lawrence Gonzi. Fil-fatt Dr Grech kellu jirrispondi b’mod xi ftit ġeneriku biex ma jikkompromettix il-pożizzjoni tiegħu vis-a-vis il-pożizzjoni li qed jitlob Dr Lawrence Gonzi.

One thought on “Għaliex il-kumment ta’ Lawrence Gonzi fuq il-kannabis mhux f’waqtu?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *