Għaliex il-każ ta’ Marie Muscat Fenech Adami huwa wieħed ivvizzjat?

Is-Sindku tan-Naxxar sabet ruħha fl-aħbarijiet għaliex il-kap u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista talbuha tirreżenja s-sindikat minħabba, skond dan il-partit, kellha konflit ta’ interess f’vot li ħadet fuq bord tal-Ippjanar fuq żvilupp f’dawk li kienu t-trade fair grounds.

Jidher li s-Sinjura Marie Muscat Fenech Adami ma aċċettatx li tieħu dan il-pass u għalhekk it-tmexxija ddeċidiet li tressaqha quddiem il-Kummissjoni ta’ Dixxiplina Interna tal-Partit Nazzjonalista. X’hemm stramb f’din il-mossa? Jidher ċar li fil-laqgħa li saret magħha, il-Partit Nazzjonalista kien ġa ħa d-deċiżjoni li kellha tirreżenja. Jidher ċar li ġiet saħanistra mitluba biex tirreżenja u hija ma aċċettax. B’hekk is-Segretarju Ġenerali ta ultimatum ta’ 24 siegħa lis-Sinjura Muscat Fenech Adami. Hija sfidat dan l-ultimatum u b’hekk issa s-Segretarju Ġenerali bagħat dan il-każ quddiem il-Kummissjoni tad-Dixxiplina u Etika li hemm fl-istess partit biex jieħu deċiżjoni.

Bil-mod kif mxew il-Kap u s-Segretarju Ġenerali jagħti wieħed x’jifhem li dan il-każ huwa vvizzjat għaliex ma tmurx għand kummissjoni meta inti tkun diġa’ ħadt deċiżjoni fuq l-istess każ u ġa tlabtha minn qabel biex tirreżenja minn sindku.

Din id-dixxiplina qed issir għax skond il-Kap tal-partit u s-Segretarju Ġenerali tiegħu kien hemm każ ta’ konflitt ta’ interess fil-vot li tat is-Sindku Nazzjonalista tan-Naxxar fuq l-iżvilupp fil-grounds ġewwa t-Trade Fair. Fil-verita’, din qed issir għaliex ma laqgħatx it-talba tal-kap tal-partit u tas-segretarju tiegħu biex tirreżenja.

Il-konflitt ta’ interess f’dan il-każ hu mġebbed waħda sewwa. Meta tisma’ u tifhem eżattament fuq xix kien dan il-konflitt, tinduna li dan il-konflitt ma jeżistix. Ma tantx hu faċli li tifhem kif min għadda l-informazzjoni lill-partit fuq ix-xogħol li tagħmel is-sindku ma tax l-informazzjoni preċiża ħalli żgur ma jkunx hemm diżgwid.

Fid-dikjarazzjoni li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ta x’jifhem li l-Partit Nazzjonalista kien ta indikazzjonijiet lis-sindku ta’ Naxxar u l-Kunsilliera ta’ kif għandhom jivvutaw fil-kunsill fuq dan il-proġett. Skont is-Segretarju Ġenerali, il-partit talab lill-kunsilliera tiegħu biex jivvutaw kontra. Imma l-kunsilliera jidhru li kellhom opinjoni differenti. Meta dan il-proġett tela’ għal diskussjoni fil-kunsill, il-kunsilliera kollha qablu mal-proġett barra wieħed. B’hekk ma kien ittieħed l-ebda vot. Mela l-maġġoranza tal-Kunsilliera Nazzjonalisti ma qablux mad-deċiżjoni li ħa Bernard Grech fuq dan il-każ. Kunsillier wieħed biss Nazzjonalista żamm mad-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Bl-azzjoni tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista wera li l-kunsilliera tiegħu ma jistgħux jużaw l-intelliġenza tagħhom biex jaslu għal deċiżjoni kif għandhom jivvutaw anki jekk huma jidhru li jafu aktar mill-Partit Nazzjonalista x’inhu tajjeb għan-nies tal-lokal. B’liema dritt ikun hemm deċiżjoni imponuta mil-Partit Nazzjonalista ta’ kif għandu jivvota kunsillier? Din minnha nfisha hija ksur ta’ etika. Għaliex għandu jindaħal il-partit fuq kwistjoni ta’ lokalita’ partikulari meta l-Partit Nazzjonalista, permezz tal-kelliema tiegħu, dejjem jgħid u jippriedka li bħala partit ma jindaħalx fid-deċiżjonijiet tal-kunsilliera?

Meta s-sindku ħadet id-deċiżjoni tal-vot tagħha għamlet hekk biex tirrifletti dak li ġie diskuss fil-laqgħa tal-kunsill fuq dan is-suġġett. Minn dak li qed naqraw, il-maġġoranza tal-kunsilliera, kemm Laburisti kif ukoll Nazzjonalisti, kienu favur dan il-proġett kif mibdul għax ħassew li kien għall-aħjar tar-residenti Naxxarin.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem jikkritika lill-gvern biex jagħmel separazzjoni netta bejn il-Partit Laburista u l-Gvern. Allura f’dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista ma kienx qed jagħmel separazzjoni bejn partit u kunsill?

Issa jekk il-Partit Nazzjonalista, ġaladarba s-sindku mhux se tirreżenja, jiddeċiedi li jkeċċi lis-Sinjura Muscat Fenech Adami mill-partit, x’se jiġri? Ikollha tmur indipendenti. Jekk din is-sinjura issib l-appoġġ tal-Kunsilliera Laburisti, x’ikun ifisser? Ikun ifisser li l-kunsill jinbidel minn tmexxija Nazzjonalista għal dik Laburista taħt it-tmexxija tal-istess sindku. Hekk irid il-Partit Nazzjonalista?

Possibbli li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista lesta titlef kunsill fuq kwistjoni bażwija li kien hemm konflitt ta’ interess meta dan ma kienx il-każ? Din ġiet imġebbda waħda sewwa u żgur li mhux ser tikkonvinċenti lir-residenti għaliex f’dan il-każ, il-kunsill ivvota fl-aħjar interess tar-residenti tiegħu. B’hekk jekk hemm persuni li għandhom jitressqu quddiem il-bord tad-dixxiplina u etika, dawn huma l-kap u s-segretarju ġenerali tiegħu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *