Bernard Grech u l-amministrazzjoni tiegħu tħallew waħidhom fuq il-kwistjoni tal-Ministru Justyne Caruana
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Justyne Caruana mhux postha fil-ħajja pubblika u li għandha titneħħa minn Ministru. L-istess partit ħa falza stikka meta qal li l-Ministru Caruana għandha tippubblika mmedjatament ir-rapport tal-Kummissarju tal-Etika. Il-Ministru dan ma tistax tagħmlu għalkemm hemm allegatament rapport li hi kissret l-etika. Kwalunkwe rapport tal-Kummissarju tal-Etika qatt ma jgħaddi għand il-persuna li tkun qed tiġi nvestigata għaliex dawn ir-rapporti jgħaddu biss għand l-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti li huwa wkoll iċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari.
Jidher li l-Kummissarju sab lill-Ministru Caruana ħatja li kissret l-etika tagħha bħala Ministru tal-Gvern meta tat kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar lis-sieħeb tagħha. Il-Kummissarju ma jiċċirkulax kopji tar-rapport lanqas lil min qallu biex jinvestiga. Jagħti kopja lill-iSpeaker li jgħaddi kopji lill-membri tal-Kumitat Parlamentari. Ikun il-Kumitat li jiddeċiedi lil min iqassam ir-rapport. Hija prassi normali li r-rapport jiġi ċċirkulat mal-pubbliku flok joqgħod jingħata kopji lill-individwi nteressati.
F’kummenti li l-Partit Nazzjonalista għadda lill-Malta Today ammetta li kienu użaw kliem mhux preċiż meta qalu li l-ministru għandha tippubblika r-rapport. Il-Partit Nazzjonalista kkonferma li d-dikjarazzjoni li għamel kellha tgħid li huma kienu qed jgħidu lill-Ministru Caruana biex tistaqsi li r-rapport jiġi pubblikat u ħadu żball meta qalulha biex tippubblikah hi stess.
Hawnhekk wieħed jistaqsi: kif jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista jagħmel żball bħal dan? Possibbli l-partit ma jafx x’inhuma r-regoli tal-Kumitat tal-iStandards? Possibbli ma jafux x’inhu obligat jagħmel il-kummissarju meta jipprepara rapport? Fuq dan il-kumitat partikulari l-Partit Nazzjonalista għandu żewġ rappreżentanti li żgur jafu x’isir u ma jsirx. Żgur li jafu x’isir minn rapport meta dan ikun tlesta. Allura kif jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista ma kkonsultax mal-membri tal-kumitat tiegħu qabel għamel dikjarazzjoni?
Sfortunatament huma dawn l-istanzi li juru li min ħareġ b’din id-dikjarazzjoni ma kienx għamel xogħolu sewwa imma kien għaġġel fl-għaġir tiegħu. Nasal ngħid li l-istess deputati Nazzjonalisti qed iħallu lil Bernard Grech u l-amministrazzjoni tiegħu waħidha biex tieħu falza stikka bħal ma ħadet f’dan il-każ. Qatt ma nista’ nemmen li ż-żewġ membri fuq il-kumitat għaddew informazzjoni ta’ prassi ħażina lill-Partit Nazzjonalista. Huwa aktar il-każ li ma ġewx ikkunsultati jew ħallew lil Bernard Grech jagħżaq waħdu.
