“Two weights and two measures” ta’ Robert Abela u tal-Għaqda Repubblika

F’dawn il-jiem kellna ministru ieħor fl-aħbarijiet. Din id-darba, il-ministru hija Justyne Caruana, il-Ministru tal-Edukazzjoni. Din instabet ħatja bi ksur ta’ etika. X’ser jagħmel issa l-Prim Ministru Robert Abela? Ser ineħħiha minn ministru kif kien għamel lil Rosianne Cutajar?

Infakkar li meta Rosianne Cutajar instabet ħatja minn George Hyzler tneħħiet minn segretarju parlamentari. Infakkar li ta’ Repubblika marru jipprotestaw quddiem il-ministeru tagħha u ftit wara l-Prim Ministru ħa deċiżjoni li jneħħiha.

Infakkar li fil-każ ta’ Justyne Caruana, il-Prim Ministru qalilna li ħa azzjoni. Meta ħareġ il-każ ta’ Daniel Bogdanovic, il-Prim Ministru qalilna li ħa d-deċiżjoni li jwaqqaflu l-kuntratt. Dan issemma anki fl-artiklu ppubblikat dwar dan il-każ fil-Malta Independent li qed inġib hawn taħt. Issa ħareġ li Bogdanovic tħallas ta’ kemm kellu jieħu. Dan ħareġ fil-gazzetta tal-gvern. Mela l-Prim Ministru gideb lill-poplu Malti. Mhux talli ma waqqafx il-kuntratt talli, Bogdanovic tħallas 15,000 euro.

Jidher ċar li f’dan il-każ Justyne Caruana sfidat lill-Prim Ministru. Minn informazzjoni li akkwista dan is-sit, f’dan ir-rapport ta’ Hyzler, Justyne Caruana toħroġ ħafna agħar minn Rosianne Cutajar. L-abbuż ta’ poter huwa ċar ħafna. Dan mhux każ ta’ interpretazzjoni ta’ fatti.

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija jitlob ir-reżenja ta’ Justyne Caruana. Biss meta tara l-Partit Nazzjonalista kif aġixxa u qed jaġixxi fuq il-każ ta’ Justyne Caruana ma tistax ma tinnotax li qed jaġixxi b’mod differenti milli aġixxa fuq il-każ ta’ Rosianne Cutajar. L-istess jista’ jingħad għall-Għaqda Repubblika. Ser tmur quddiem il-Ministeru tal-Edukazzjoni u titlob ir-reżenja tagħha kif kienet għamlet kontra Rosianne Cutajar? Fil-verita’, kontra Cutajar kellna kruċjata sħiħa imma kontra Justyne Caruana jidher li ta’ Repubblika waqgħu f’letarġija sħiħa.

Dan ikompli jikkonferma dak li qed jingħad f’dan is-sit. Il-Partit Nazzjonalista jrid jieqaf jagħmel id-dirty work għall-Prim Ministru. Huwa ċar li Repubblika huma aġenti ta’ Robert Abela u qed jiġbdulhom l-ispag minn Kastilja. Aktar mal-Partit Nazzjonalista jinfatam minnhom malajr, aktar aħjar, jekk irid jibda jkun relevanti fuq ix-xena politika Maltija.

https://www.independent.com.mt/articles/2021-12-10/local-news/Justyne-Caruana-found-in-breach-of-ethics-over-contract-to-former-footballer-6736238980

Leave a Reply