Kirja ġoż-Żejtun ġiet tiswa liIl-Gvern aktar minn Dar Malta ġo Brussell
Il-Malta Business Registry qed tħallas 31 miljun euro għal kiri ta’ bini li kien maħsub biex ikun showroom tal-kmamar tal-banju. Il-Gvern spiċċa kera dan il-bini biex ikollu l-uffiċċji fiż-Żejtun. F’din il-binja ddaħħlu entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri. Skond ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, il-kiri ta’ din il-binja kien ta’ preżż projbittiv. Barra minn hekk, il-Gvern kera l-binja ġebel u saqaf u kellu jonfoq 5 miljun euro minn butu biex dawwar il-binja f’uffiċini.
Skond l-awditur, il-Malta Business Registry ser ikun qed iħallas 2 miljun euro kull sena għal kirja ta’ din il-blokka. Din il-binja terġa’ tmur f’idejn il-propjetarju wara ħmistax-il sena. Dan il-kuntratt qajjem ħafna aktar mistoqsijiet milli tweġibiet fejn tidħol ‘value for money’.
Ftit tal-ġimgħat ilu, l-ministru konċernat ma riedx jippubblika l-kuntratt tal-kirja imma nsista li il-kirja kienet ser tiswa nofs miljun euro kull sena. Fil-fatt skond l-awditur dan ir-reġistru (jiġifieri l-Malta Business Registery) ser ikun qed iħallas erba’ darbiet iżjed kull sena.
Bla ma trid dan il-kuntratt ifakkrek f’kuntratt ieħor li kien daħal għalih il-Gvern Malti, immexxi minn gvern Nazzjonalista, ftit tas-snin ilu fi Brussel. Dak iż-żmien kienet qamet polemika sħiħa għax Malta kienet ser tixtri binja ġewwa l-belt ta’ Brussel biex ikollha Dar Malta hemmhekk.
Niftakar tajjeb kemm il-Partit Laburista kien voċiferu fuq dik il-binja li kienet se tinxtara. Niftakru wkoll li dik il-binja kienet swiet lil Malta 19-il miljun Euro. Biss bid-differenza mill-binja ġoż-Żejtun, il-binja ta’ Brussel hija issa propjeta’ tal-Gvern Malti. Ta’ min isemmi ukoll li dik il-binja hija fuq għaxar sulari u hija fiċ-ċentru ta’ Brussel u erba’ passi l-bogħod mill-uffiċini tal-Unjoni Ewropea. Bil-fors ikollok tikkonkludi li tikri fiż-Żejtun probabilment tiswa ħafna iktar milli tixtri propjeta fiċ-ċentru ta’ Brussell.