Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jiġbor ġieħu mat-53 għaqda li huma kontra l-leġislazzjoni tal-kannabis

Il-Partit Nazzjonalista jrid jipprova jipparteċipa issa fid-diskussjoni dwar il-kannabis. Qed jipprova jagħmel xi ħaġa meta kważi tard wisq, wara li ma ikkonsultax mal-opinjoni pubblika u lanqas ressaq emendi fil-parlament.

Issa qed jipprova jirkeb fuq il-karru tal-petizzjoni li tressqet minn 53 organizzazzjoni u individwi. Kellu platt daqshekk tad-deheb quddiemu li jingħaqad ma’ dawn l-għaqdiet imma għażel li jinjorahom u f’mumenti minnhom mar kontra tagħhom. Bl-azzjonijiet u l-istrateġija li qed jieħu, qed ikompli jagħmilhom ħsara.

Li kieku ried ikun parteċipi seta’ wettaq dan fil-konsultazzjoni u fit-tieni qari tal-liġi rilevanti fil-Parlament ressaq dawk l-emendi li qed jipproponu dawn l-għaqdiet. Issa qed jipprova joskura lill-membri tal-Gvern billi jgħid li dawn l-istess membri ma jridux ilaqqgħu b’urġenza l-Kumitat tal-Petizzjonijiet biex jiddiskuti dawn il-petizzjonijiet.

Il-whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li l-Gvern, permezz taċ-Chairman tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet, ċaħad it-talba tal-Oppożizzjoni biex jiltaqa’ l-kumitat b’urġenza. Huwa ironiku kif l-Oppożizzjoni issa trid tiddiskuti meta kellha kull ċans li tagħmel dan f’okkażżjonijiet qabel. Għalhekk pożizzjoni bħal din mhux kredibbli mal-elettorat.

Issa qiesu tah ġenn għax se jittieħed il-vot fuq din il-liġi nhar it-Tlieta 14 ta’ Diċembru. Il-whip tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern huwa mgħaġġel biex jgħaddi din il-liġi mingħajr ma jiddiskuti jew jikkonsidra x’iridu jgħidu dawn l-organizzazzjonijiet. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li ma għandux għalfejn jitlaqqa’ l-kumitat għax jekk hemm xi diskussjoni x’issir, din trid issir ma’ dawn l-organizzazzjonijiet u mhux mal-Oppożizzjoni.

Ta’ min jiftakar ukoll li meta ġiet pubblikata l-liġi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien qal li l-liġi kienet ġiet ikkuppjata minn fuq proposti li kien ressaq hu stess. Jista’ jkun li Dr Grech kien għaġġel fid-diskors tiegħu fuq il-kannabis. Kien tkellem qabel ma ħa l-opinjoni tal-grupp parlamentari tiegħu. Fil-fatt wara xi ħames jew sitt laqgħat tal-grupp parlamentari Nazzjonalista, il-pożizzjoni tal-istess Partit hija totalment differenti minn dak li kien żvela u qal Dr Bernard Grech. Minn din is-sitwazzjoni kull politiku jrid jieħu t-tagħlima neċessarja. Kollox f’ħinu u f’waqtu jrid isir. Dwar il-kannabis kien hemm ħafna possibilitajiet biex issir id-diskussjoni u jkunu mmobilizzati it-tlieta u ħamsin għaqda li huma kontra l-kannabis. Imma l-Partit Nazzjonalista baqa’ kwiet sal-aħħar u injorahom. Politiku ma jistax iħalli jaħarbulu minn idejh ċansijet bħal dawn. Politiku tajjeb jaf meta għandu jitkellem, jagħti l-opinjonijiet tiegħu u jikkritika jew jipproponi emendi fil-ħin propizju. Meta ma jagħmilx hekk jiġrilu li jinqabad, bħal ma ġara din id-darba, u jsib ruħu li tilef ċans tad-deheb.

https://newsbook.com.mt/il-pn-jitlob-li-jitlaqqa-burgenza-l-kumitat-tal-petizzjonijiet/?fbclid=IwAR0RsMLesSCnoc6YJaoJIUsOJCWBtLXOfF57rnDYRXJBtSUQYN2W2eLciqk

Leave a Reply