Esklussiva: Mhix ċerta l-kawża tal-mewt ta’ Kimberley Borg Nicolas Virtu.

Dr Donatella Frendo Dimech kienet il-maġistrata li għamlet inkjesta fuq il-mewt ta’ Kimberley Borg Nicolas. Dr. Donatella Frendo Dimech kienet il-maġistrata msejħa tal-għassa meta kien instab li Kimberley Borg Nicolas kienet għamlet attentat ta’ suwiċidju fil-ħabs. B’hekk, bħal ma jiġri f’ċirkustanzi bħal dawn, il-ħabs informa l-maġistrat li jkun duty – tal-għassa – biex jinvestiga, jiġifieri jagħmel l-inkjesta. Din l-inkjesta wasslet biex żewġ gwardjani tressqu l-qorti akkużati bil-qtil involontarju ta’ Kimberley Borg Nicolas.

Kimberley Borg Nicolas kienet mietet tliet ġimgħat wara l-isptar minħabba dan l-attentat. F’dak li ħareġ minn din l-inkjesta hija r-retroxena ta’ dan l-attentat ta’ suwiċidju.

Kimberley Borg Nicolas kienet tqegħdet f’ċella waħidha. Dan seħħ minħabba li Kimberley Borg Nicolas kienet ittieħdet l-isptar Mater Dei. Ġara li meta kienet l-isptar, Kimberley Borg Nicolas ipprovat taħrab meta waħda mill-gwardjani li kellha magħha llargat ftit biex tmur it-toilet. Meta wieħed jaqra l-inkjesta tal-maġistrata, jinduna li din il-ħarba ittieħdet b’mod leġġir mill-istess maġistrata u qisitha li Kimberley Borg Nicolas marret minn ward għall-oħra biex tpejjep sigarett.

Dan wassal biex dawn il-gwardjani għamlu rapport lill-pulizija dwar din il-ħarba u meta marru lura l-ħabs qegħdu lil Kimberley Borg Nicolas f’ċella waħidha li ġġib n-numru 23. Din iċ-ċella kienet skont l-istandard tal-ħabsijiet u skont id-direttivi Ewropej. Kien f’din iċ-ċella li Kimberley Borg Nicolas għamlet l-attentat ta’ suwiċidju billi rabtet xi ħwejjeġ mat-tieqa u b’din l-azzjoni ikkreat asfixxja. Fuq kollox sar analiżi jekk kienx hemm xi forma ta’ self-harming. Dan kien xi ħaġa superfiċjali tant li t-tabib ma ħassx li kien hemm xi urġenza.

B’hekk l-uniku nuqqas f’dan il-każ jidher li kien li ma ġiex infurmat id-direttur tal-ħabs li Kimberley Borg Nicolas tqegħdet f’ċella waħidha. Imma dan ma naħsibx li hu każ li kellu jwassal biex dawn iż-żewġ gwardjani jittellgħu l-qorti mixlija b’omiċidju involontarju. Fl-opinjoni tiegħi u ta’ esperti legali li tkellimt magħhom, dan kellu jkun każ ta’ investigazzjoni interna.

Imbagħad fl-inkjesta joħroġ dettall ieħor li għadu qatt ma ħareġ fil-media. Wieħed mill-esperti tekniċi mqabbad mill-qorti kien Dr. Mario Scerri. Dan analizza meta Kimberley Borg Nicolas kienet rikoverata l-isptar wara l-attentat ta’ suwiċidju u din kienet qed tkun miżmuma ħajja fuq il-magni.  Mix-xhieda li ta Dr. Mario Scerri joħroġ li kien hemm talba biex jiġu mitfija l-magni meta ma kienx hemm evidenza ta’ brain damage. Fir-rapport tal-inkjesta inkiteb hekk:

Illi Għalkemm ma kellhomx evidenza ta’ brain damage u brain stem testing qatt ma sarux, l-esponent  (jiġifieri Dr. Mario Scerri) ġie informat mill-konsulenti tat-taqsima kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei illi wara li tkellmu mal-ġenituri ta’ Kim Borg Nicolas Virtu, dawn ftehmu li l-għada kellhom jitfgħulha l-magna.

Illi l-esponent ma qabilx magħhom u wissiehom li dawn m’għandhom jagħmlu xejn minn dan u fakkarhom li din kienet suġġett t’inkjesta maġistrali u d-deċiżjonijiet bħal dawn kellhom jinvolvu l-esperti tal-qorti u l-maġistrat.

Illi l-esponent informa b’dan kollu lill-maġistrat inkwirenti li ħatret għalhekk lill-espert konsulent neurologu Dr. Anthony Galea Debono li aċċeda flimkien mal-esponent nhar l-1 ta’ Lulju 2021  fejn l-espert Galea Debono ordna  illi jsir tracheostomy li iżda ma sarx minħabba li rriżulta li Kim Borg Nicolas Virtu kienet septic iżda dwar dan ma kien hemm xejn dokumentat fl-istorja medika u l-pazjenta baqgħet fuq il-ventilator sakemm din mietet fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu ta’ nhar l-4 ta’ Lulju 2021;

Illi l-konsulenti tat-taqsima tal-kura intensiva ċertament għamlu ħażin meta dawn kienu jafu li dan kien każ suġġett t’inkjesta maġisterjali u qabdu mingħajr ma kkonsultaw mal-esperti tal-qorti jew mal-maġistrat inkwirenti u infurmaw lill-familjari li peress li ma kienx  hemm tama għal Kimberley ġie deċiż li “jitfulha l-magna” l-għada u dan appuntu meta ma kienx hemm evidenza ta’ brain death”.

Biss dan ma kienx l-uniku aspett ta’ din l-inkjesta li ser ikollu mpatt fuq il-proċeduri fil-qorti. Fuq kollox, mill-inkjesta joħrog li Kimberley Borg Nicolas wriet xewqa li tibda programm ta’ riabilitazzjoni. Kimberly kienet issemmi dan f’kull telefonata li kien ikollha ma’ ommha. Dak li joħroġ mill-video footing tal-ħabs hu li Kimberly Borg Nicolas kienet qed tgħix ħajja normali fil-ħabs.

Il-maġistrata qabdet lil Dr. Noel Cutajar bħala espert tal-qorti. Dr. Noel Cutajar ġie imqabbad mill-qorti biex  jieħu x-xhieda ta’ kull minn jidhirlu opportun u jiġbor kull dokument u CCTV footage. Imbagħad ġie imqabbad wkoll Keith Cutajar li hu espert tal-informatika biex jiġbor din l-informazzjoni mill-ħabs fosthom footage mill-ħabs. Sorsi legali qalu lil dan is-sit li dawn marru oltre minn dak li kien imqabbad minnhom biex jagħmlu. Huma mhux biss ġabru x-xhieda kif kienet titlob in-nomina tagħhom, imma spiċċaw jagħtu ġudizzju fuq dak li huma kienu sabu. Dawn is-sorsi legali komplew jispjegaw lil dan is-sit li dan l-aspett mhux ser ikollu valur fil-proċess legali. Wieħed irid jiftakar, komplew jispjegaw l-esperti legali, li l-esperti nnominati mill-qorti jridu jimxu mad-digriet tan-nomina ad litteram jiġifieri dak li jiġbru l-fatti u mhux imorru oltre kif ġara f’dan il-każ.  

Il-konklużjoni tal-inkjesta kienet li ż-żewġ uffiċjali kellhom jitressqu l-qorti għaliex tefgħu lil Kimberley Borg Nicolas f’ċella waħidha u dwar dan ma kienux infurmaw lid-direttur. Imma meta wieħed jaqra sew din l-inkjesta, jsib li dan kien aktar każ ta’ investigazzjoni interna u żgur mhux każ li dawn wettqu xi forma ta’ qtil involontarju fuq Kimberley Borg Nicolas. Fuq kollox, l-anqas hu ċert jekk Kimberley Borg Nicolas Virtu mietetx minħabba s-suwiċidju li ppruvat tagħmel jew għaliex kellha xi kondizzjonijiet oħra li wasslu għal mewt tagħha. B’hekk dawn qatt u din hija l-interpretazzjoni tal-esperti legali li tkellimt magħhom, ma kellhom jittellgħu l-qorti u jkunu akkużati bi qtil involontarju.

One comment

Leave a Reply