Il-Partit Nazzjonalista ma qalx lix-Xlukkajri jekk hux favur jew kontra li jitneħħa dak il-mostru ta’ tanker li hemm f’nofs il-port

Dr. Peter Agius, il-kelliemi ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, mar Marsaxlokk biex juri l-ħsibijiet tiegħu u jagħti l-appoġġ lir-residenti dwar il-bini propost fi żvilupp ta’ Ċentru Ċiviku li huwa maħsub li jsir fil-ġnien li jagħmel parti mill-konfini tal-iskola primarja li hemm f’din il-lokalita’. Mar u ta s-sehem tiegħu f’isem il-Partit Nazzjonalista u sewwa għamel.

Imma kif kien hemm ma ħassx id-dover li jinforma lin-nies ta’ Marsaxlokk li l-Partit Nazzjonalista qed jipparteċipa fil-proċess li jista’ jwassal biex itellef li jitneħħa dak il-monstru ta’ tanker li hemm f’nofs il-bajja pittoreska ta’ Marsaxlokk. Il-proċess biex Malta tinvesti f’pipeline tal-gas beda u jista’ jsir realta’. Imma hemm min dan il-pipeline tah fastidju u ħareġ jipprotesta kontra li jingħataw fondi ħalli dan isir u b’hekk dan it-tanker jkun jista’ jitneħħa. Matthew Caruana Galizia qed jgħid li jekk l-Ewropa tgħin lil Malta biex isir dan il-pipe minn Sqallija għal Malta, tkun qed tgħaddi ħafna flus lil min hu mixli jew kellu x’jaqsam fil-qtil barbaru ta’ ommu Daphne.

Mill-ewwel Bernard Grech tela’ fuq il-bandwagon ta’ Matthew Caruana Galizia hu ħareġ jitkellem biex ma jingħatawx flus biex il-pipeline isir. B’hekk ix-Xlukkajri jibqgħu b’dak il-mostru ta’ tanker li hu ta’ periklu reali għalihom f’nofs din il-bajja pittoreska. Il-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista ma qalx lix-Xlukkajri jekk jaqbilx jew le man-narrattiva ta’ Matthew Caruana Galizia fuq il-pipe tal-gas. Ma qalx lin-nies ta’ Marsaxlokk li l-Partit Nazzjonalista addotta n-narrattiva ta’ Matthew Caruana Galizia u mhux ser jappoġġja lill-Gvern fit-twettiq ta’ dan il-proġett kbir.

https://www.maltatoday.com.mt/news/national/113744/pn_warns_electrogas_contract_jeopardises_eu_gas_pipeline_funds#.YbL3Kr3MJPY

Infakkar li l-PN kien kontra dan it-tanker f’nofs il-port ta’ Marsaxlokk. Minflok baqa’ kontra, issa ser ikun qed jagħmel ħiltu biex Malta ma tieħux il-flejjes neċessarji biex dan il-proġett li jiswa flejjes kbar ikun jista’ jitwettaq u b’hekk dan it-tanker jibqa’ f’nofs il-port. In-nies qed nistennew lill-Partit Nazzjonalista jkun ċar fuq dan il-proġett. Il-Partit Nazzjonalista jrid jiddeċidi jekk hux man-nies ta’ Marsaxlokk jew mal-familja Caruana Galizia li trid tagħmel ħsara lil dawn in-nies. Mill-mod kif irreaġixxa Bernard Grech, jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista ser ikompli jirkeb fuq in-narrattiva tal-familja Caruana Galizia b’dannu politiku għall-istess Partit Nazzjonalista u n-nies ta’ Marsaxlokk.

Leave a Reply

Your email address will not be published.