Konfermat mill-pulizija: l-allegazzjonijiet fuq id-direttur tal-ħabs Alex Dalli huma foloz

Dan is-sit jinsab infurmat li l-pulizija temmet l-istħarriġ tagħha fuq l-allegazzjonijiet li kienu saru fuq Direttur tal-ħabs Alex Dalli. Infakkar li waħda mill-allegazzjonijiet kienet li Dalli kien idaħħal il-pistola tiegħu f’ħalq il-priġunieri. Kien hemm l-allegazzjonijiet oħra, fosthom li kien jorbot lill-ħabsin mas-siġġu tat-tortura.

Mill-istħarriġ tal-pulizija jirriżulta li dawn l-allegazzjonijiet huma foloz. Dawn l-allegazzjonijiet kien għamilhom l-eks-impjegat tal-ħabs Emanuel Cassar. Imbagħad Peppi Azzopardi kien ta’ spin tant li ħeġġeġ anki lill-ħabsin biex imorru għand il-pulizija.

Wara stħarriġ intensiv mill-pulizija, fejn il-pulizija anke tkellmet ma’ uffiċjali mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, irriżulta li l-allegazzjonijiet li saru fuq Alex Dalli ma kien fihom l-ebda verita’.

Mhux magħruf għaliex il-pulizija għadhom ma nfurmawx lill-pubbliku dwar il-konklużjoni tagħhom.

Id-Direttur Ġenerali tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, Alex Dalli fetaħ anki libell dwar dawn l-allegazzjonijiet foloz li saru fil-konfront tiegħu. Infakkar ukoll li wara li kienu saru dawn l-allegazzjonijiet kienu ġew immobilizzati żewġ tużżani persuni fejn marru bix-xemgħa quddiem il-ħabs.

Mhux magħruf jekk il-pulizija issa hux se tieħu passi kontra min iddenunzja reat li ma sarx u kontra min ħeġġeġ lill-ħabsin biex imorru għand il-pulizija ħa jirrapportaw dwar reat li qatt ma kien seħħ.

2 comments

Leave a Reply