Għaliex verament irreżenja Alessandro Farrugia? Tkompli tinkixef il-vera storja.

Ir-reżenja ta’ Alessandro Farrugia ġiet wara ħafna problemi interni fil-Partit Nazzjonalista. Imma biex wieħed jifhem sew għala rreżenja Alessandro Farrugia, wieħed irid jifhem x’kien qed jagħmel Alessandro Farrugia fil-Partit Nazzjonalista. Alessandro Farrugia kien wieħed minn dawk li kien qed imexxi politika xellugija u soċjalista fil-Partit Nazzjonalista. Warajh kien hemm Christian Peregin. Hawn wieħed jistaqsi għaliex persuni li jħaddnu politika u filosofija xellugija spiċċaw jiddettaw il-politika tal-Partit Nazzonalista? Fil-każ ta’ Peregin, dan anki ftaħar li vvota Lejber fil-passat.

Infakkar li dan is-sit kien żvela li Alessandro Farrugia kien ċempel deputat Nazzjonalista u talbu biex, meta jtella’ video politiku, ma jkollux il-kurċifss jidher warajh. Hu fatt magħruf fil-Partit Nazzjonalista li Alessandro Farrugia huwa favur l-abort. Tant hu hekk li kemm-il darba Alessandro Farrugia uża l-pożizzjoni tiegħu ta’ direttur informazzjoni u ċempel deputati Nazzjonalisti u qalhom biex ma jiktbux jew jitkellmu kontra l-abort. Fuq kollox, Alessandro Farrugia huwa wkoll favur il-kannabis. Dawn huma kollha pożizzjonijiet li Christian Peregin hu favur tagħhom. Prova ta’ dan hija Love in Malta u l-artiklu tagħha meta Christian Perigin kien iċ-CEO.

Issa Alessandro Farrugia kien il-persuna wara l-elezzjoni ta’ Bernard Grech bħala kap tal-Partit Nazzjonalista. F’din l-elezzjoni, Bernard Grech kellu s-support tal-Knisja Kattolika Maltija. Mela persuna li hija favur l-abort, it-tneħħija tal-kurċifiss minn postijiet li jidhru, jiġifieri favur id-dekristinizzazzjoni ta’ Malta u anki favur il-kannabis, ingħaqdet mal-media tal-Knisja Kattolika biex eleġġiet lil Bernard Grech bħala mexxej ġdid tal-Partit Nazzjonalsita.

L-għażla ta’ Alessandro farrugia kienet akkumpanjata minn salarju tajjeb li dan is-sit kiteb ukoll dwaru. Fuq kollox, bħala direttur tal-kommunikazzjoni, Alessandro Farrugia kien il-persuna li jagħmel id-diskorsi ta’ Bernard Grech. Dan is-sit jista’ jiżvela wkoll li kien il-persuna wara dak il-video li tella’ Bernard Grech flimkien mal-familja jiżfnu madwar is-siġra tal-Milied. F’dan il-video ma kien hemm l-ebda element ta’ Milied Kristjan. Ġesu’ Bambin jew il-presepju ma kien jidher imkien.

Biss l-affarijiet bdew imorru ħażin għal Alessandro Farrugia meta beda jimbotta l-agenda favur il-kannabis fil-Partit Nazzjonalista. Kif spjegajt fuq, wara din l-aġenda kien hemm anki Christian Peregin. Dan is-sit svela kemm Bernard Grech għamel il-legalizzazzjoni tal-kannabis l-agenda politika tiegħu. Imma Bernard Grech ma sabx l-appoġġ tal-grupp parlamentari fuq din il-liġi. B’hekk anki jekk tkellem favur tagħha, kellu jibdel ir-rotta meta l-grupp parlamentari, f’laqgħa wara l-oħra, baqa’ ma aċċettax il-pożizzjoni ta’ Bernard Grech fuq il-kannabis.

Wara l-ewwel qari ta’ din il-liġi fil-Parlament, Alessandro Farrugia ried xorta li l-Partit Nazzjonalista jivvota favur tagħha billi jitlob emendi għal din il-liġi. Qalu lil Claudio Grech biex jagħmel l-emendi, imma l-emendi qatt ma tressqu quddiem il-parlament. B’hekk meta l-gvern ressaq din il-liġi u ġiet għat-tieni qari, id-deputati Nazzjonalisti ivvutaw kontra. Dan is-sit jista’ jiżvela li fit-tielet qari, id-deputat Nazzjonalisti ser jitolbu division u ser jivvutaw kontra tagħha.

Il-pożizzjoni tal-grupp parlamentari Nazzjonalista hija ċara. Id-deputati qed juru li huma kontra din il-liġi u ser jibqgħu jivvutaw kontra tagħha. Quddiem din il-pożizzjoni b’saħħietha tal-grupp parlamentari, Bernard Grech qed jgħid li hu kien kontra l-liġi tal-kannabis għaliex hu kap ta’ partit li jemmen fil-valuri! Din ma niżżlet xejn tajba ma’ Alessandro Farrugia. Farrugia ma aċċettax li Bernard Grech ċeda u b’hekk kompla jikber id-disgwid bejnu u Bernard Grech. Farrugia ħadha wisq bi kbira li l-Partit Nazzjonalista ma għamilx tiegħu il-liġi fuq il-kannabis.

L-inkwiet kompla jikber wara li t-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra kien hemm dik il-famuża mozzjoni kontra l-ispeaker. Il-media tal-Partit Nazzjonalista ħarġet bl-aħbar li Bernard Grech ressaq din il-mozzjoni skont standing order 13 meta fil-fatt Bernard Grech ma kienx għadu ressaq din il-mozzjoni quddiem il-parlament. Ġara li ħadd ma kien qal lill-ġurnalisti tan-Net u lil min kien qed jieħu ħsieb il-paġna Facebook ta’ Bernard Grech li fil-parlament l-ewwel ikun hemm il-mistoqsijiet u wara issir il-mozzjoni. B’hekk dawn il-ġurnalisti ħasbu li meta fetaħ il-parlament fl-4 pm, Bernard Grech ressaq il-mozzjoni meta dan ma kienx il-każ. Sorsi infurmati qalu li dan is-sit li din l-aħbar li Bernard Grech kien ressaq din il-mozzjoni fl-4 pm kien mar ta lil ġurnalisti tan-NET Alessandro Farrugia personalment. Fuq kollox, hu l-kap tal-kommunikazzjoni fil-Partit Nazzjonalista u b’hekk huwa kien qed imexxi din l-istrateġija medjatika. B’hekk Alessandro Farrugia weħel b’din il-balbuljata kollha.

Imbagħad l-istorja kompliet il-Ħadd li għadda fejn kien hemm nuqqas ta’ press coverage fil-media għall-preżenza tal-kap tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja. Il-Ħadd li għadda saret il-kommemorazzjoni tal-mewt ta’ Raymond Caruana. Kien hemm quddiesa. Delegazzjoni mill-Partit Nazzjonalista marret fuq il-qabar ta’ Raymond Caruana fil-Gudja u anki sar kxif ta’ basso relievo fil-bronż fuq il-faċċata tal-Każin Nazzjonalista tal-Ġudja. Dan il-basso relievo hu xogħol l-artista Marica Azzopardi Balzan. Ġara li l-media ma kienetx preżenti għal din l-attivita’ u b’hekk Bernard Grech spiċċa ma ngħatax coverage kif xtaq. Il-fatt li Bernard Grech ma kellux coverage tajjeb fuq il-press kompla ġab aktar tiżgwid u nkwiet bejnu u Alessandro Farrugia peress li Farrugia kien il-persuna li kellu jieħu ħsieb jinforma l-media dwar din l-attivita’. B’hekk Alessandro Farrugia weħel hu li ma kienx bagħat lill-press l-informazzjoni għal din l-attivita’.

Leave a Reply