X’tfisser ir-reżenja ta’ Alessandro Farrugia? Aktar reżenji fil-futur qrib.

Żgur li Bernard Grech ma jridx jasal s’hawn jiġifieri jitlef lill-persuna li ħadem tant għailh fil-kampanja elettorali tiegħu biex jilħaq kap tal-Partit Nazzjonalista. Imma dan ma jidhirx li kien xogħol tal-klikka li tellgħatu u ħallitx lil Alessandro Farrugia jaħdem. L-anqas ma hu l-każ li Bernard Grech ipprova jieħu r-riedni f’idejh u l-klikka li tellgħu ħarġet twissieh li se jispiċċa bħal Adrian Delia jekk mhux agħar. L-anqas hu l-każ ta’ tiżgwid ma’ Christian Peregin.

Fil-verita’, Bernard Grech illum hu ffaċċjat b’theddida li fl-elezzjoni jerġa’ jiġri bħalma ġara f’dik tal-MEPs, fejn ammont sostanzjali ta’ Nazzjonalisti fid-9, l-10 u l-11 id-distrett jibqgħu d-dar. Din il-biża’ issa qed tinxtered għall-distretti oħra. Quddiem din is-sitwazzjoni, il-biża’ huwa li din it-telfa tkun attribwita’ għal nuqqas ta’ strateġija min-naħa tal-kommunikazzjoni fil-Partit Nazzjonalista. B’hekk iċ-ċenturjun tilef jew dabbar rasu.

Illum suppost li Bernard Grech għandu iżjed appoġġ mid-deputati tiegħu milli kellu Adrian Delia. Dawk fil-Grupp Parlamentari li kienu jappoġġjaw lill-istess Delia suppost qegħdin warajh. Suppost għandu wkoll il-Blue Heroes. Biss hemm bruda fost id-deputati kollha. Alessandro Farrugia jaħti in parti għal din il-bruda. Ipprova jkun RCC mad-deputati Nazzjonalisti iżda waqqfulu u falla bil-kbir. L-unika waħda li baqgħet tappoġġja lil Bernard Grech hi Claudette Buttgieg, iżda anke lilha ġibdu l-ispaga u birdet milli ssostni lill-kap fil-pubbliku.

Ma ninsewx li deputati bħal Claudette Buttigieg u Kristy Debono jafu li għandhom ċans kbir li ma jitilgħux fil-parlament u allura se jkollhom bżonn l-appoġġ tal-Grupp Parlamentari u l-Esekuttiv biex wara l-elezzjoni isimhom ikun fost dawk li jitressaq biex jidħlu fil-parlament bil-kwota. Allura qed joqgħodu attenti ħafna.

Ara Roselyn Borg Knight, għax pubblikament qalet li ma taqbilx mal-kwoti, ġiet taqa’ u tqum u telqet minn kandidat għax mara kapaċi u m’għandha bżonn lil ħadd jimbuttha. B’hekk tista’ ssegwi l-għażliet ta’ ħajjietha mingħajr indħil mingħand ħadd. M’hux l-istess fil-każ ta’ ħaddieħor.

Issa mill-kurituri tal-istamperija qed jgħidulna li sal-elezzjoni se jżommu kollox kif inhu b’Simon Vella Gregory jkun l-aġent direttur informazzjoni waqt li jibqa’ jinżamm Peregin bħala l-istrateġista prinċipali. Fi kliem ieħor, Peregin ser jitħalla jibqa’ jagħmel fattieh. Ma ninsewx li Peregin kien wieħed li suppost kellu jbiegħ l-ishma tiegħu fil-Lovin Malta imma għadu m’għamilx dan. Ċara li qed jittutuba ħalli wara l-elezzjoni ikollu fejn jimraħ.

Imma Alessandro Farrugia mhux hekk kellu jagħmel. Telaq kollox biex mexa wara Bernard Grech u issa spiċċa lampa stampa fit-triq. Is-sorsi jgħidu wkoll li dalwaqt nisimgħu b’riżenja oħra prominenti miċ-ċirku ta’ Bernard Grech. Din il-persuna diġa’ offriet ir-riżenja diversi drabi imma Bernard Grech żammu milli jitlaq. Kif inhuma l-affarijiet bħalissa ma jdumx li nisimgħu bih ukoll.

U sadattant il-klikka ta’ Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami jibqgħu jirrenjaw u jidhru fuq NET TV ta’ kuljum ħalli żgur li jitilgħu għar-raba’ leġislatura fil-każ ta’ tnejn minnhom waqt li Aquilina, li diġa’ żżerżaq biex daħal l-aħħar elezzjoni issa għandu bżonn jitla’ akkost ta’ kollox mill-10 distrett. Il-mazz f’idejhom.

Aktar dwar din ir-reżenja u x’wassal għaliha jkunu ppubblikati għada f’dan is-sit.

https://www.independent.com.mt/articles/2021-12-06/local-news/Alessandro-Farrugia-resigns-as-PN-communications-director-6736238893?fbclid=IwAR2GME6ytVnSAqo0QhR9yzkNY2sjgP2Uiv7PbblEQwGqO6WafnCXOLYFH90

One thought on “X’tfisser ir-reżenja ta’ Alessandro Farrugia? Aktar reżenji fil-futur qrib.

Leave a Reply

Your email address will not be published.