Il-qasma fil-Partit Nazzjonalista bejn il-liberali u l-konservattivi: mit jew verita’?

Blog post minn osservatur politiku

It-tkaxkira tal-2013 kienet tant kbira li ma ħallietx lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista jiftħu għajnejhom u jikkonċentraw fuq dak li suppost għamlu. Minflok baqgħu għaddejjin, jibku xortihom, mistgħaġbin bir-riżultat, skantati bit-tkaxkira li qalgħu u abbandunaw għal kollox il-partit.

Kien Simon Busuttil li prova jagħmel xi ħaġa imma wara li talab rapport minn esperti, baqa’ ma tax kasu u spiċċa eżerċizzju ta’ telf ta’ żmien u enerġija min-nies li riedu jibgħatu sinjal ta’ x’seta ġara u x’jista’ jsir. Infakkar li Daphne Caruana Galizia ma kienetx qablet mal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport. Waqt li fir-rapport ħareġ ċar li l-partitarji riedu partit aktar konservattiv, Daphne Caruana Galizia qaltlu li r-riżultat ta’ dik it-telfa kien minħabba l-pożizzjoni tal-konservattiva tal-partit fuq id-divorzju u tat parir li dan il-partit kellu jkompli fit-triq liberali li qabad. Ħalliet f’idejn Beppe Fenech Adami biex imexxi din l-aġenda fl-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Illum ir-riżultat qiegħed hemm biex jarah kulħadd. Kap wara kap jipprovaw iħaddnu l-agenda liberali u l-partit jisfronda dejjem aktar l-isfel mal-elettorat.

Fuq kollox, dak iż-żmien, il-Partit Nazzjonalista ma ħadimx fuq djalogu mal-membri assidwi tiegħu. L-istrateġija kienet kollha żballjata. Ma varax djalogu estensiv u profond biex jifhem is-sitwazzjoni li kien sab ruħu fiha wara t-telfa diżastruża li kellu. Tilef l-okkażżjoni li kienet mitluba dak iż-żmien biex jinjetta fis-sostenituri tiegħu dak l-entużjażmu neċessarju biex jerġa’ jqum fuq saqajh. Tilef okkazzjoni mitluba minn kull min jitlef telfa kbira, biex jiġġenera fiduċja ġdida fil-partit għall-futur tal-istess partit.

Wara li jerġa’ jiġbor lil dawk li kienu qiegħdin taħt l-ilma minħabba t-telfa kbira li kien hemm, kien imbagħad jippjana t-tibdiel neċessarju biex ivara tiġdied intern fis-saffi kollha tal-Partit. Dan ma sarx wara l-2013 u l-Partit għalkemm fid-deher kien qed jidher li kien hemm l-għaqda, din ma kienetx biżżejjed tant li fl-2017 reġa’ ħa tkaxkira oħra tal-istess livell jew ftit agħar. Infakkar li l-istrateġija kienet dak in-nhar f’idejn Daphne Caruana Galziia.

Mhux talli hekk, talli wara t-telfa enormi fl-2017, il-partit ġie abbandunat mit-tmexxija tiegħu stess. Kien hemm min sparixxa fit-tul meta suppost kien qiegħed hemm biex jerġa jipprova jiġbor il-biċċiet. Mhux talli hekk talli s-sostenituri tal-partit stess ħallew lit-tmexxija jew parti mill-antiki tagħha, li jaqsmu lill-partit f’biċċtejn. Daqshekk kien irnexxilha tkissru lill-Partit Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia u l-akkolti tagħha. Imbagħad, minflok irrikonoxxit li żballjat, Daphne Caruana Galizia daħħlet f’rasha li tagħmel gwerra lill-kap elett demokratikament minn fost it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

B’hekk parti spiċċaw mal-kap u parti oħra kontra tiegħu. Din il-qasma aljenat ħafna iżjed lis-sostenituri akkaniti tal-Partit Nazzjonalista. Kellha effett kbir fuq l-esekuttiv tal-partit u aljenat waħda sew lill-kunsilliera. Meta l-inkwiet intern jibqa’ għaddej fit-tul, jagħti riżultat wieħed, li jaljena u jbiegħed lill-elettorat. Hekk ġara u l-Partit Nazzjonalista għadu jbati minn din id-divizzjoni sal-lum.

Ma nemminx li l-qasma li hemm bħalissa bejn il-konservattivi u l-liberali tal-partit hija l-kaġun ta’ dan l-inkwiet kollu. Il-liberali huma voċiferi imma ma għandhomx saħħa fil-bażi tal-Partit Nazzjonalista. Il-bażi għadha konservattiva. Biss din il-qasma żgur li ma tgħinx biex il-partit ifiehem għaliex jeżisti dan id-diżgwid għaliex din id-diviżżjoni bejn konservattivi u liberali teżisti fi kwalunkwe partit politiku.

Li kieku l-Partit Nazzjonalista ma tbiegħedx anke mit-tesserati tiegħu u żammhom il-bogħod minnu, kieku għamel l-eżerċizzju ta’ tiġdid li kien neċessarju mill-2013 ‘l quddiem, kieku kien kapaċi jelimina d-disgwid intern, żgur li l-konservattivi kienu jsibu mod kif jgħixu mal-liberali. Il-Partit Nazzjonalista jiftaħar li miftuħ għall-ħsibijiet u ideat differenti. Jiftaħar ukoll li huwa mużajk ta’ ħsibijiet u ideat. Jiftaħar li l-bieb tiegħu dejjem miftuħ għal kulħadd. Mela kif jista’ jkun ma jsibx modus operandi bejn il-konservattivi u l-liberali?

Leave a Reply