Niżvela aktar tagħrif ta’ kif inħadmet il-mossa kontra l-iSpeaker Anġlu Farrugia

Il-KullĦadd mhux infurmat tajjeb x’ġara eżatt fil-Parlament fir-rigward tal-mozzjoni li Bernard Grech ressaq kontra l-Ispeaker nhar it-Tnejn li għadda. F’artiklu ppubblikat il-bieraħ, il-Kullħadd kitbet li l-Blue Heroes tal-PN kienu jafu bil-mossa li kien ser jagħmel Bernard Grech kontra l-iSpeaker Anġlu Farrugia.

F’dan is-sit kien deher artiklu fejn kien intqal li Bernard Grech beża’ jagħmel mozzjoni ta’ sfiduċja kontra l-iSpeaker għaliex ma għandux il-maġġoranza tad-deputati warajh. Illum nista’ nkompli niżvela li kien hemm numru żgħir ħafna ta’ deputat li t-Tnejn li għadda kienu jafu bil-mossa ta’ Bernard Grech. Il-ġurnalista tal-Kullħadd qal li ftit kienu jafu b’din il-mossa imma kompla jgħid li dawk li kienu jafu biha kienu dawk magħrufa bħala l-Blue Heroes. Fi kliem ieħor, id-deputati li kienu ma’ Delia ma kienux ġew infurmati x’ser jagħmel Bernard Grech. Dan is-sit jista’ jiżvela li l-anqas il-Blue Heroes kollha ma kienu jafu x’kien ser jagħmel Bernard Grech! Tant kemm kien żgħir in-numru tagħhom li stajt tgħoddhom fuq id waħda.

Id-deputati li ma kienu nfurmati b’xejn kienu ordnati biss ikunu l-Parlament fil-ħin. Fil-fatt bdew jistaqsu wieħed lill-ieħor x’se jiġri. Kien hemm ukoll nuqqas kbir minn min jieħu ħsieb il-paġna ta’ Facebook ta’ Dr Bernard Grech li kien mgħaġġel jinforma x’ser jagħmel u fuq xix kien ser jitkellem Dr. Grech fil-Parlament. Tant hu hekk li kixef idejh fl-4 ta’ wara nofs-in-nhar. Dan ġara għaliex minn ħa ħsieb din il-paġna kien persuna li lanqas jaf li fil-Parlament, fl-ewwel nofs siegħa jkun hemm il-mistoqsijiet parlamentari u mbagħad jitressqu l-mozzjonijiet. B’hekk ħaseb li fl-4 pm kienet ġa tpoġġiet il-mozzjoni meta fil-fatt, il-parlament kien għadu waqt il-ħin tal-mistoqsijiet. Dan poġġa t-titlu tax-xandira b’dan il-mod u żvela kollox ħafna qabel u tilef l-element tas-sorpriża,

Qed inressaq mozzjoni skont l-Ordni Permanenti 13 biex il-Kamra tiddiskuti l-aġir tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.

L-informazzjoni li ħierġa mill-kuruturi tad-Dar Ċentrali qed tgħid li t-talba skond l-ordni permanenti 13 inkitbet minn Karol Aquilina. Allura bil-fors ikollok tistaqsi. Tgħid din kienet miktuba wara xi ftehim li sar ma’ Repubblika biex mbagħad Bernard Grech ikun ngħaqad magħhom minn ġol-Parlament? Illum huwa ċar daqs il-kristall li l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista hija ddettata minn Repubblika bi ftehim ma’ numru żgħir ta’ deputati li huma qrib ta’ Bernard Grech.

Din l-istrateġija hija konferma tan-nuqqas kbir ta’ fiduċja li Bernard Grech għandu fil-grupp parlamentari tiegħu. Il-mod ta’ kif inħadmet din il-manuvra tat-Tnejn li għadda turi li anke fil-grupp parlamentari hemm il-leaks ta’ informazzjoni. Forsi hemm l-istess duda li kien hemm fi żmien Dr Adrian Delia li kien hemm min jibgħat l-informazzjoni dak il-ħin stess li kienet tkun għaddejja l-laqgħa.

Bernard Grech żamm kważi kollox għalih ħalli ma tkunx taf il-media bil-mossa tiegħu u wisq anqas dan is-sit. Biss xorta wasslet l-informazzjoni tant li nkiteb dwarha.

Din il-mossa ġabet rabja fil-grupp parlamentari Nazzjonalista, l-aktar fost il-Blue Heroes. Kienet mossa li bil-fors kompliet toħloq kritika interna mid-deputati għal Bernard Grech, inkluż fost dawk li kienu warajh biex isir kap tal-Partit Nazzjonalista. Possibbli ma tgħallem xejn minn ftit ġranet ilu, meta waqt diskussjoni sħuna fil-grupp parlamentari kien hemm min qallu b’mod ċar ħafna biex ma joħroġ xejn qabel ma jkun iddiskutih fil-grupp parlamentari?

One comment

Leave a Reply