Is-survey tal-bieraħ qed juri li “TLIFTHA BIL-PLAYERS”.
Blog post minn osservatur politiku
Bernard Grech ammetta li fil-logħba politika tiegħu qed jilgħab bil-players tiegħu kollha warajh. Hu ammetta li l-grupp parlamentari huwa magħqud miegħu, u la hemm l-għaqda hemm saħħa. L-argument ta’ Dr Grech huwa li ma hemmx ‘fairness’ u ma hemmx ġustizzja fil-logħba politika bil-mod ta’ kif qed tintlagħab bħalissa.
Imma ngħid jien, mhux kull Kap tal-Oppożizzjoni dejjem jgħid li l-partit fil-gvern qed jagħmel użu mill-pożizzjoni li jkun qed jokkupa u mit-tmexxija tal-pajjiż? Mhux hekk dejjem intlagħbet il-logħba politika? Hemm għalfejn jagħmel plejtu sħiħ fuq din is-sitwazzjoni! Araw x’qal Dr. Bernard Grech fl-intervista tiegħu ma’ Andrew Azzopardi.
“Dana għandu r-referee mifthiem mat-team l-ieħor, għandu s-supporters kollha mixtrijien mit-team l-ieħor, għandu l-advertisement fil-ground u dak li jgħajjat biex isejjaħ il-mużika fil-ground ikun ukoll mixtri min-naħa l-oħra u nitlef il-logħba.”
Andrew Azzopardi kien pront qallu “Imma tliftha bil-players.” Dr. Grech ammetta li l-players qed jilgħabu bl-aħjar prestazzjoni possibbli imma xorta il-partit qed jitlef survey wieħed wara l-ieħor. Mela fit-team ta’ Bernard Grech hemm id-deputati kollha, anke dawk li jiffurmaw il-grupp tal-eroj ta’ kulur blu. Mela anke dawn qiegħdin madwaru biex jgħinuh u mhumiex qed jagħmlulu bsaten fir-roti. Mela ma għadux jgħodd l-argument li l-Partit Nazzjonalista huwa maqsum għax skond kif ammetta Bernard Grech it-team tiegħu kollu qed jilgħab madwar il-kaptan li huwa hu. Mela allura suppost l-istess blue heroes qed jagħmlu xi ħaġa biex jirranġaw is-sitwazzjoni.
Meta ftit xhur ilu l-istampa kienet simili għal tal-lum, jiġifieri s-surveys kienu qed jagħtu l-istess indikazzjonijiet, il-Blue Heroes ħadu d-deċiżżjoni li jmorru għand il-president tal-pajjiż biex jitolbuh jieħu azzjoni kontra l-kap tagħhom stess u juża l-kostituzzjoni biex itajru għax ma kienx għad fadlilhom fiduċja fih, minħabba n-numri tas-surveys.
Allura biex ikunu konsistenti ma’ kliemhom u għemilhom, x’se jagħmlu issa li n-numri tas-surveys, wara sena u lejlet elezzjoni qiegħdin fi stat ħażin ħafna? La qed jilgħabu b’captain li għandu saqajh fil-ġibs, id-deputati għandhom ħtija wkoll għal dan id-diżastru attwali. Mela għandhom ħtija doppja. Huma għażlu lill-midluk u qed jaħdmu miegħu fil-maltemp li għaddej minnu bħalissa.
Lanqas hu sewwa allura li dawn id-deputati viljakki jaħsbu li qiegħdin fl-istess sitwazzjoni ta’ sena ilu. Għal xhur sħaħ, il-Blue Heroes ma kienux qed jiġbdu l-ħabel tat-team bħal ma jidher li qed jagħmlu bħalissa. Għal tliet snin sħaħ huwa telfu f’kull logħba li kien jilgħab il-partit tagħhom dak iż-żmien. Kienu saħansitra jagħmlu l-autogoals u jfixxklu lil sħabhom milli jilagħbu.
Hemm bżonn li t-tesserati jifhmu f’liema sitwazzjoni qiegħed it-team tagħhom u minn liema sitwazzjoni oxxena għadda l-partit tagħhom ftit tax-xhur ilu. Jekk jifhmu dan kollu jkunu jistgħu jindunaw u jirrealizzaw li l-Blue Heroes kienu l-istraġi u għadhom l-istraġi illum. Bihom barra mit-team bħal ma kienu fi żmien Delia u issa parti mit-team fi żmien Bernard Grech, it-team (il-partit) tagħhom xorta qed jitlef bi kbir.
Mela ma kienx tort tal-kaptan tat-team (il-Kap) imma t-tort ta’ numru mdaqqas ta’ players li għamlu ħafna ħsara lit-team (lill-partit). Induru kemm induru lejn in-nies biex isostnu lill-Partit Nazzjonalista qatt ma se jasal biex ikun partit preparat għax il-biċċa l-kbira tal-players ma humiex ta’ għajnuna anżi qed ifixxklu bi kbir bi kliemhom, qed jeqirdu b’azzjonithom u qed jirrendu lill-Partit tagħhom ineliġibbli minħabba l-preżenza tagħhom.
Ghax kienu qed jilaghbu 12 flok 11.