Għaliex Manuel Delia ħadha qatta’ bla ħabel kontra Gail Debono?

Bħalissa għaddejja ġlieda fil-kamp umanista, jiġifieri dawk li ma jemmnux li teżisti ħajja oħra u jibnu ħajjithom skont il-mument għaliex jemmnu li hemm biss ħajja waħda u jipprovaw jagħmlu sens mid-dinja ta’ madwarhom permezz tal-loġika u raġuni. Imma jidher li wieħed minn dawk li jemmen f’dan kollu, jiġifieri Manuel Delia, tilef kull sens raġuni u loġika.

Qed ngħid dan għaliex Manuel Delia ddeċida li jiftaħ attakk fuq Gail Debono wara li din kitbet artiklu tajjeb dwar is-suwiċidji fil-ħabs u dan l-artiklu kien ġie ppubblikat fil-Malta Today tal-Ħadd li għadda. Fuq dan l-artiklu kkummentajt separatament f’artiklu ieħor il-bieraħ. Bħal Manuel Delia, Gail Debono tqies lilha nnifisha umanista.

Fl-artiklu tiegħu, Manuel Delia ddeċieda li jirredikola l-kliem li qalet f’intervista ma’ Raphael Vassallo fuq MaltaToday. Meta wieħed jaqra l-artiklu jistaqsi lilu nnifsu: imma Manuel Delia għalfejn iddeċieda li jikteb kontra din il-psikologa li hi wkoll il-President tal-Assoċċazzjoni Maltija tal-Psikologi minbarra li hi ukoll il-psikologa tal-ħabs? Fuq kollox, hija għandha l-istess ideat tiegħu għaliex hija umanista bħalu.

Hawn fejn forsi tibda tifhem li Manuel Delia qed jattakka lil Gail Debono biex ikompli l-attakk tal-media tax-xellug fuq l-eks-Direttur tal-Ħabs Dalli. Din hija biss parti mill-verita’. Gail Debono hija pjuttost xelluġija. Hija ħarġet tiddefendi lil Helena Dalli talli riedet tneħħi l-kunċett ta’ Milied u ismijiet insara fost l-impjegati li jaħdmu fi Brussels. Hi kitbet li sew tagħmel Helena Dalli għaliex meta tneħħi l-kunċett ta’ Milied u żżomm in-nies milli jużaw ismijiet insara, għaliex b’hekk qed tkun inklussiva! Infakkar skont l-istess Malta Today kienu l-Partit tal-Lemin fl-Ewropa li wasslu biex jattakkaw din ir-riforma ta’ Helena Dalli.

Biss jidher li hemm raġuni oħra wara dan l-attakk fuq Gail Debono. Għal min jaf ftit iżjed il-fatti, mill-ewwel jinduna x’wassal biex Manuel Delia jattakka lil Gail Debono. Gail Debono taħbat il-partner ta’ Michael Briguglio li kkontesta l-elezzjoni tal-MEPs mal-Partit Nazzjonalista. Qabel, Michael Briguglio kien il-Kap tal-Alternattiva Demokratika u li kien wieħed mill-fundaturi tal-moviment Soċjeta’ Ċivili.

Dawk li ħadmu ma’ Brigulio jafu kemm hu bniedem ġenwin u soċjologu ntelliġenti. Jafu ukoll kemm għandu għal qalbu s-soċjeta’ ċivili u li dejjem kien minn ta’ quddiem f’kampanji soċjali favur iż-żgħir u l-batut. Imma ftit huma dawk li jafu li wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Michael Briguglio kien wieħed minn dawk li beda jorganizza l-protesti kontra l-gvern. Dak iż-żmien beda jiddeffes fosthom Manuel Delia.

Ngħid dak iż-żmien, għax sa ftit qabel Manuel Delia kien jindiegħes biss ma tipi bħal Austin Gatt, Claudio Grech u Georg Sapiano. Imma malli ra opportunita’ biex jieħu post Caruana Galizia għażel li jinfiltra fis-soċjeta’ ċivili u wża lil Michael Fenech Adami biex jiddeffes. Issa dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista kien qed jgħin kemm jista’ lis-soċjeta’ ċivili biex jorganizzaw il-protesti.

Iżda peress li Manuel Delia ried jintgħoġob mal-familja Caruana Galizia beda jopponi l-involviment tal-Partit Nazzjonalista dak iz-zmien immexxi minn Adrian Delia. Michael Briguglio ma kienx jaqbel ma dan. Għal Briguglio kull min kien lest jiġġieled kontra l-gvern korrott ta’ Joseph Muscat kellu jingħaqad mas-soċjeta’ ċivili.

Wara diversi battibekki interni, Briguglio spiċċa kellu jitlaq mill-moviment li kien waqqaf hu stess, waqt li Manuel Delia iddominah sakemm ftit xhur wara kissru u mill-irmied tiegħu ħoloq Repubblika, NGO li timpjegah u tħallsu talli jikteb l-artikli u jippubblikom u talli jdur bil-ġurnalisti barranin kull meta jiġu Malta.

Issa nħalli lil qarrej jinduna liema hija l-vera raġuni talli Manuel Delia attakka lil Gail Debono, is-sieħba ta’ Michael Briguglio. Ħaġa tal-iskantament kif nies bħal Manuel Delia jibqgħu jżommu l-odju fl-istonku u jivvomtawh malli tiġihom l-opportunita’.

Leave a Reply