X’intqal s’issa fil-media u fil-qorti dwar l-istorja tal-Abbazia Navarra?

Minn qarrej ta’ dan il-blog.

Minn diversi artikli li nkitbu fuq il-medja lokali dwar din il-“Gozo land Grab” joħorġu dawn il-fatti u kumbinazzjonijiet li jidhru li huma kważi mirakolużi. Imma fejn jidħol l-eċċellenza kollox possibli….

Fondazzjoni imwaqqfa għal opri piji u reliġjużi minn Cosmanna Navarra fl-1675, aktar minn mitt sena qabel il-miġja ta’ Napuljun f’Malta.

Fl-1992, il-kumpanija “Berrachimp Properties Limited” li fiha kienu imdaħħlin il-maġistrat Dennis Montebello, flimkien mal-avukat Carmelo Galea u xi oħrajn, kienu ngħataw b’ċens artijiet ta’ din il-Fondazzjoni minn Richard Stagno Navarra li kien ippreżenta ruħu bhala d-dixxendent mid-demm ta’ Cosmana Navarra, iżda l-arċisqof ta’ dak iz-zmien, il-mibki Ġużeppi Mercieca ma aċċettax li dan iseħħ u fetaħ kawża biex iħassar dan il-ftehim. (Ara l-gazzetta “Alternattiva” Nru. 61 tal-14–28 ta’ Awissu 1992). Fil-fatt din il-kawża li nqatgħet fl-appell fl-2013 tat raġun lill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

Fast forward 25 sena… fl-20 ta’ Frar 2017, l-arċisqof Charles J. Scicluna ħareġ digriet fejn ħatar lill-Avukat Patrick Valentino bħala rettur ta’ din il-Fondazzjoni li għandha meddet kbar ta’ art fil-Qala u n-Nadur f’Għawdex. Matul is-snin, ħafna drabi r-rettur kien ikun qassis (l-aħħar rettur kien Dun Saverin Bianco ex-kappillan tal-Baħrija).

Kif obbligat mill-atti tal-Fondazzjoni, l-arċisqof huwa l-uniku persuna responsabbli li jaħtar rettur (manager) tal-Fondazzjoni fuq rakkommandazzjoni tal-patruni (dixxendenti). L-arċisqof Scicluna ġie ppreżentat b’żewġ nomini għall-ħatra ta’ rettur. Dan seta’ irrifjuta t-tnejn li huma, iżda l-eċċellenza għoġbu jaħtar lill-avukat Patrick Valentino u rrifjuta lin-nomminat l-ieħor li kien qassis, Fr Jesmond Grech. Għar-raġuni li jafa hu biss, l-arċisqof għoġbu jaħtar wieħed li la kien dixxendent u lanqas kleru kif kien obbligat mill-atti tal-Fondazzjoni. (Artikli diversi bl-isem ta’ “Gozo Grab” fuq ‘The Shift News” u ‘Lovin Malta’). F’dan il-ftehim, il-kurja ngħatat 200,000 euro biex tieħu ħsieb l-obbligi piji ta’ din il-Fondazzjoni… quddies, xemgħat, daqq ta’ moti etc… għal matul iż-żminijiet. Dawn il-flus inħarġu mis-6 aħwa ta’ Stagno Navarra [li jgħidu li huma d-dixxendenti ta’ din il-Fondazzjoni] 20,000 euro kull wiehed (120,000 euro) u sabiex jgħaqqdu s-somma totali l-eks-magistrat Dennis Montebello u l-avukat Carmelo Galea ħarġu 40,000 euro kull wieħed. (Forsi dawn ta’ l-aħħar kienu jiġu mill-bogħod minn Cosmanna Navarra għalhekk taw sehemhom…ħa… ħa…).

Waqt xhieda fil-qorti ta’ Għawdex rigward il-200,000 euro, l-Arċisqof Scicluna stqarr li ma tantx jimpurtah imnejn ġew l-flus, l-aqwa li l-200,000 euro ngħataw lill-kurja sabiex tieħu ħsieb l-opri piji tal-Fondazzjoni. Possibli ma kienx jaf min huma l-avukat Carmelo Galea u l-ex-magistrat Montebello li fl-1992 kienu ħadu b’cens xi artijiet tal-istess Fondazzjoni biex jiżviluppawhom?!

L-Arċisqof Scicluna qal li ma kienx jaf li dawk l-artijiet tal-Fondazzjoni se jmorru ghall-iżvilupp, imma naħseb li kien jimmaġina li se jmorru ghall-biedja. Inserħulu moħħu lill-Mons Arcisqof li dawk mhux qed jiżirgħu l-kannabis fl-artijiet tal-Fondazzjoni li l-Arcisqof Scicluna għadda lill-avukati. Hemmhekk flattsijiet telgħin u bil-mijiet ħabib. U miljuni deħlin.

Saret xi ħaġa fil-ftehim li meta nħatar Patrick Valentino bħala rettur, li torbtu li jżomm dawn il-beni bla mittiefsa u jekk jonqos li jagħmel dan, il-ftehim ta’ bejniethom jiġi null?

Wara l-ħatra ta’ Dr. Valentino bħala rettur, ħafna minn dawn l-artijiet ingħataw bħala ċens perpetwu lill-kumpanija Carravan Limited. Ix-shareholders ta’ din il-kumpanija huma ‘Dei Conti Holdings’ tal-aħwa Stagno Navarra, ‘Carrac Limited’ tal-ex maġistrat Dennis Montebello u ta’ uliedu Carol u l-maġistrat Rachel Montebello li kumbinazzjoni hija l-partner ta’ Dr Patrick Valentino, u s-shareholder l-ieħor huwa l-avukat Ghawdxi Carmelo Galea. Insomma dejjem baqgħu l-istess nies imdaħħlin f’din l-istorja.

Illum fuq waħda minn dawn l-artijiet imsejħa ta’ Boffa fil-Qala, qed isir żvillupp monstruż ta’ xi 160 appartament, pools etc bil-permess u mingħajr permess mill-kumpanija ta’ żvilluppaturi tal-wow Joseph Portelli li skont il-crystal ball tiegħu, f’Malta għad fadal 100 sena oħra ta’ żvillupp xi jsir. (Aħbarijiet inkwetanti ħafna għal min qed jibla’ t-trabijiet u d-dħaħen u l-istorbju tal-inġenji tal-kostruzzjoni min x’ħin jisbaħ sa x’ħin jidlam u l-qerda tal-ambjent). S’intendi kulħadd se jmissu xi ftit jew ħafna minn dawn il-barkiet tal-iżvillupp matul il-mitt sena li ġejjin. (Iħossok trid tirremmetti x’ħin tisma’ dawn l-affarijiet). 

F’xhieda li ta fil-Qorti t’Għawdex dan l-aħħar, il-property manager tal-Kurja, is-Sur Ray Bonnici ammetta li hemm affarijiet li ma humiex ċari fl-obbligi ta’ din il-fondazzjoni imma l-arċisqof xorta waħda ħatar lil min ried bħala rettur. Bonnici qal: (quote) “Ħadna shortcut, għamilna dak illi kien fl-aħjar interess tal-Kurja” (unquote) u ġew jitmejlu minn dawk in-nies li kienu se jintlaqtu ħażin fl-irħula Għawdxin b’dik id-deċiżjoni.

Dan l-agir huwa għadd kbir ta’ karita’ min-naħa tal-arċisqof u sħabu li jgħallmuna biex inħennu u niftakru fil-proxxmu tagħna. Possibbli m’humiex jirrealliżżaw li dan l-agir tagħhom mhux qed ikun ta’ ġid għall-knisja?

F’kelma waħda, il-Knisja Maltija mhux denja li jkollha ragħaj spiritwali ta’ dan it-tip. Nisperaw li l-għola uffiċċjali tal-Vatikan jafu x’ħienu għaddej.

One thought on “X’intqal s’issa fil-media u fil-qorti dwar l-istorja tal-Abbazia Navarra?

  1. Tghid l-arcisqof kellu d-dritt li jinforma l-awtoritajiet tal-Vatikan qabel ghamel dak li ghamel? Jekk accetta xi flus biex ceda xi beni li kienu amministrati mill-Knisja tista tidhol ukoll is-Simonija. Insomma f’kelma wahda l-arcisqof dahal f’kobba mhabbla sew meta tqis li l-affarijiet ta’ din il-fondazzjoni ma humiex cari. Issa li l-froga saret, l-eccelenza ghandu jara li jirmedja s-sitwazzjoni u ma jhallix lill fidili tieghu ibatu ghal xejn b’xejn f’idejn l-ilpup li hatfu kollox u bir-rebgha li ghandhom ghal flus ma huma kuntenti b’xejn u qatt. Dejjem iridu aktar.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *