Ma jagħmilx sens li l-Partit Nazzjonalista jinqasam imma min kisser il-partit irid warrab

Blog post minn osservatur politiku

Fl-opinjoni ta’ ħafna Nazzjonalisti li jinqasam il-Partit hija għajta li ma tagħmilx sens. Hija linja ta’ ħsieb li tindika l-iżjed triq ħafifa flok tipprova ssib is-soluzzjoni. Min jgħid hekk ikun qed jitlef l-attenzjoni li jara kemm il-Partit Laburista qed jagħti possibilitajiet lill-Partit Nazzjonalista biex jikkonċentra u jerġa’ jerbaħ lura l-voti li hu stess tilef.

Il-Partit Laburista se jibqa’ mfakkar għall-iżbalji kbar li għamel u għalxejn nippruvaw ngħidu differenti, għax il-fatti jitkellmu waħedhom. Li tiftakar biss li Prim Ministru li ta lill-partit tiegħu l-ikbar żewġ rebħiet immaġinabbli kellu jitfa’ x-xugaman u jirtiera, hija diġa’ minnha infiha serja ħafna.

Barra minnu, ministru u chief of staff tiegħu kellhom jirriżenjaw, b’wieħed minnhom imkeċċi wkoll mill-Partit Laburista. Mela ta’ dawk ir-riżenji u minħabba r-raġunijiet varji, serji u kbar li waslu għall-abbandun politiku ta’ persuni fl-għola livell tal-gvern, il-Partit Laburista suppost qed ibati konsegwenzi serji imma għall-kuntrarju għadu riekeb fuq vapur rebbieħ.

Il-Partit Nazzjonalista ma għarafx jaqbad il-barri minn qrunu u jattakka l-korruzzjoni maħkuma minn ċertu individwi f’pożizzjoni għolja fil-Partit Laburista. Ma kienx kapaċi jagħmel ġlieda serja kontra l-arroganza tal-membri tal-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Minflok ħela ħafna ħin u enerġija jiġġieled mal-kapijiet tiegħu stess.

Ħela tliet snin importantissimi jattakka lil ta’ ġewwa. L-enerġija teffagħha fuq attakki lill-kap tiegħu stess u nesa li l-avversarju politiku ma kienx tal-Pieta’ imma kien il-Ħamrun. Kieku dawk l-iżbalji kbar li saru u li nkixfu saru f’pajjiż ieħor, u mhux Malta, kieku dak il-partit fil-gvern ilu li waqa’ u jekk ma jaqax waħdu kienu jwaqqawh.

Imma kien hemm iktar nies fil-Partit Nazzjonalista jinteresshom li jfarrku darhom milli jiġġieldu kontra l-veru avversarju politiku tagħhom. L-iskop ta’ min kisser fil-Partit Nazzjonalista kien li ma jħallux kandidat minn barra, li ħa t-tmexxija tal-Partit b’vot mill-aktar demokratiku, jasal biex jikber b’tali mod li kien seta’ jieħu l-gvern.

Lill-klikka tathom f’għajnhom li Dr. Adrian Delia, li ġie minn barra l-partit, kien se jkollu ċans tajjeb li jkisser il-kobor tal-Partit Laburista. Il-Partit Nazzjonalista tant kien mitluf jattakka l-lasta tiegħu stess li saħansitra nesa’ li l-Partit Laburista kien fil-Gvern b’maġġoranza sostanzjali u kien għaddej gaffa minn fuqhom. Imma, kif diġa’ għidt, din il-klikka magħżula, xejn ma kien qed idejjaqha minn dak magħmul mill-Gvern għax kienet iktar mitlufa fuq x’qed jagħmel il-kap tagħhom stess.

Ara llum il-magħżul tagħhom, għalkemm jafu li qed jgħaffeġ bl-addoċċ, mhumiex jattakkawh pubblikament, għax ikollhom jammettu, ta’ ċwieċ li huma, li l-Partit Nazzjonalista rrenda ruħu fil-pożizzjoni redikola u fratturata minħabba fihom. Jekk, kif inhu mistenni, l-Partit Nazzjonalista jieħu t-tisbita li hemm imbassra li ser ikollu, bi dmir, idur fuq din il-klikka u jekk ma jkissirhiex il-votant ikun irid ikissirha hu.

Ser ikollu wkoll jeħles mill-kap preżenti għaliex, għalkemm kien il-midluk, qatt ma laħaq l-altezza mistennija minn bniedem li jidħol għal dik il-pożizzjoni. Kulħadd qed jinduna li l-preżunzjoni hija sinifikattiva. Barra minn hekk żball akbar tal-klikka u sħabha kien li għażlu u poġġew bniedem fit-tmexxija mingħajr ma qabel studjaw u raw jekk għandux il-preġji u l-kapaċita neċessarji biex jieħu partit f’idejh.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *