Is-suwiċidji fil-ħabs. Meta eżattament iseħħu?

Il-Ħadd li għadda, il-President taċ-Chamber of Psychologists, Gail Debono, wieġbet diversi mistoqsijiet ta’ Raphael Vassallo li kienu pubblikati fuq il-Malta Today. Bħala psikologu li taħdem il-ħabs hija wieġbet mistoqsijiet fuq l-imwiet li saru f’dan l-aħħar snin fil-ħabs. Dan wassal għall-reazzjoni kontra tagħha minn Manuel Delia. Fuq din ir-reazzjoni u x’hemm warajha ser nikkummenta fuq blog separat.

F’din l-intervist, l-ewwel ħaġa li spjegat u kjarifikat Dr Debono kienet li l-14-il mewt li kien hemm fil-ħabs meta kien hemm direttur Alexander Dalli, ma kienux kollha suwiċidji, għalkemm din kienet in-narrattiva tal-media kif ukoll tar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista.

Hija stqarret li anke mewta waħda hija ħafna. Spjegat ukoll li l-ambjent tal-ħabs ma jwassalx għall-ħajja sana. Fil-ħabs Malti hemm ħafna ħabsin avanzati fl-eta’ u anke l-fatt li l-priġunieri jqattgħu ħafna ħin ġewwa ma jgħinx biex il-bniedem ikun b’saħħtu.

Ħaġa oħra li ċċarat li 14-il mewt ma jistgħux jiġu konsidrati bħala żieda fl-imwiet għax il-ħabs qatt ma kien hemm dan in-numru ta’ ħabsin li hemm bħalissa. Dr Debono ma tikkondivix id-diċerija li għaddejja bħalissa li dawn l-imwiet kienu riżultat ta’ kondizzjonijiet ħżiena fil-ħabs jew it-tmexxija militari tad-direttur.

Reġgħet irreferit għan-narrattiva wżata mill-media u minħabba dawn il-kitbiet kollha hija kellha tagħmel riċerka biex tkun ċerta li ma hemm xejn minn dak li kien qed jiġi rappurtat. Sfortunatament dawn ir-rapporti għamlu l-ħajja ta’ speċjalisti bħalha, li jaħdmu fil-ħabs, diffiċli. Allavolja kien hemm ħafna rapporti negattivi fuq il-ħabs, Dr Debono sostniet li f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm ħafna żviluppi li ġraw fil-ħabs f’dak li għandu x’jaqsam ma kura u reintegrazzjoni tal-priġunieri, tant li hemm team ta’ 30 professjonist bejn psikologi, psikjatri, tobba u social workers.

Meta bdiet hi, ħames snin ilu, kienu biss 3 psikoloġi u għalhekk id-differenza tidher u tinħass. Il-ġurnalist staqsa lil Dr Debono jekk tarax kontradizzjoni bejn fuq naħa, it-tisħieħ tal-kura psikoloġika u fuq in-naħa l-oħra n-numru għoli ta’ suwiċidji. Għalfejn għandu ikun hemm kontradizzjoni wieġbet lura Dr Debono. Wieħed irid jibda biex jifhem li fil-ħabs bħalissa qed ikun hemm bejn 700 u 900 priġunier, id-doppju ta’ kemm suppost jesa l-ħabs.

Barra minn hekk irridu niftakru li s-suwiċidju huwa marbut ħafna ma’ sitwazzjonijiet ta’ ħabs. Hija ppreċiżat ukoll li fil-ħajja tal-ħabsin ikun hemm żmien partikulari fejn il-biża’ ta’ suwiċidju jikber. Dr Debono spjegat li priġunier ikun iżjed xuxxettibbli għas-suwiċidju f’erba’ sitwazzjonijiet partikulari.

Fl-ewwel sitt ġimgħat wara li jkunu arrestati waqt li qed jistennew li jidhru l-qorti; it-tieni, meta jirċievu s-sentenza, kemm jekk tkun twila kif ukoll qasira; it-tielet, meta priġunier jieħu xi aħbar ħażina mid-dar jew meta ikun hemm l-inkwiet f’xi relazzjoni; u r-raba’, fl-aħħar erba’ ġimgħat qabel ikun jista’ joħroġ mill-ħabs.

Dr Debono tkellmet fuq attakki ta’ ansjeta’ minħabba l-fatt li priġunier se jerġa’ lura f’soċjeta fejn kien qabel daħal il-ħabs u ma jista’ bl-ebda mod jaħrab minnha għax pajjiżna huwa żgħir. F’pajjiżi oħra tista’ titbiegħed minn fejn kont tgħix qabel, imma hawn Malta ikollok tibqa’ fl-istess ambjent ta’ qabel.

Bħala psikologa tieħu attenzjoni speċjali għal perjodi aktar sensittivi bħal dawk l-erba’ li semmejna diġa’. Bħala psikoloġa tagħti attenzjoni aktar speċjali meta l-priġunieri jkollhom is-seduti l-qorti għaliex l-inqas affarijiet jista’ jkollhom effett drastiku. Per eżempju jekk jkun hemm rinviji kontinwi jew xi deċiżjoni jekk għandux priġunier joħroġ jew le fuq bail.

Dr Debono kkonkludiet li mhux qed titfa’ l-ħtija fuq xi waħda mill-affarijiet li semmiet. Kull ma pruvat tgħid kien li is-suwiċidju huwa xi ħaġa komplessa ħafna u qatt ma tista’ tasal biex tipponta subgħajk fuq fattur wieħed.

One thought on “Is-suwiċidji fil-ħabs. Meta eżattament iseħħu?

Leave a Reply

Your email address will not be published.