Is-saħħa mentali fost l-irġiel f’Malta

Nhar il-Ħadd li għadda, il-Malta Today kellha artiklu interessanti ħafna minn tabiba, Laura Calleja, dwar is-saħħa mentali. It-tabiba qaltilna li l-problemi ta’ saħħa mentali dejjem huma sfida minħabba l-istigma li jġorru magħhom. L-istigma soċjali dejjem kienet qawwija speċjalment mal-irġiel. 1 minn kull 4 irġiel biss jersqu lejn professjonisti biex jiddiskutu l-problemi tagħhom. L-irġiel jiddejqu ħafna juru nuqqas ta’ maskulinita’ fl-għaġir tagħhom u għalhekk ma tantx jersqu għall-kura fil-każ ta’ saħħa mentali.

Il-fatturi huma li l-irġiel iridu juru li jħossuhom dominanti, b’saħħithom, kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom u dejjem għandhom il-kontroll ta’ kollox. Dawn il-fatturi jwasslu għad-differenza bejn in-nisa u l-irġiel. L-irġiel għandhom ukoll tendenza li jsoffru fis-silenzju, ma jersqux biex jiġu invistati mit-tobba, u ħafna drabi jiġu magħrufa l-problemi tagħhom meta jkun tard wisq.

Dawn l-istess fatturi jistgħu jwassluna naħsbu li l-mard mentali huwa inqas predominanti fl-irġiel meta mqabbla man-nisa. Id-dipressjoni hija ġeneralment ikkaraterizzata minn dwejjaq, nuqqas ta‘ motivazzjoni, nuqqas ta’ ferħ, tibdil fl-aptit, nuqqas ta’ irqad u apatija. Dawn kollha jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum.

Is-sontimi ta’ dipressjoni fl-irġiel jistgħu jvarjaw u jinkludu ukoll atti ta’ vjolenza jew użu tas-sustanzi, aggressjoni, irritabilita’, negattivita’ bħala ġenituri u jevitaw li jagħmlu kwalunkwe ħaġa. Id-differenza ta’ dipressjoni bejn is-sessi tista’ tkun minħabba r-rwol tagħhom fil-ħajja u għalhekk ikun hemm dawk id-differenzi kif jesprimu d-dipressjoni.

Għalhekk isir ħafna emfasi fuq in-nuqqas tal-irġiel li jfittxu l-għajnuna. Is-sintomi ta’ saħħa mentali jvarjaw skond il-persuna. Imma fost l-iktar prominenti hemm it-tibdil fil-burdati, tnaqqis fil-livelli ta’ enerġija, imġieba tmur għal-agħar, nuqqas ta’ aptit u tibdil fl-irqad. Għalhekk huwa mportanti li min iħoss xi sintomi minn dawn ifittex l-għajnuna mill-ewwel.

Il-kura mill-ewwel tevita li l-kondizzjoni tkompli teħżien jew li jinqalgħu komplikazzjonijiet. Għalkemm is-saħħa mentali tista’ taffetwa aktar nies li jkunu vulnerabbli, huwa fundamentali li żżomm f’moħħok li s-saħħa mentali tista’ taffetwa lil kull persuna minn kull strata soċjali. Il-vulnerabilita’ tista’ tiġi minn nuqqas ta’ xogħol, separazzjonijiet f’relazzjoni, problemi finanzjarji, xorb jew droga, jew li jista’ jkollhom xi ħadd fil-familja li sofra mis-saħħa mentali.

Hija verita’ li irġiel jikkommettu aktar suwiċidji minn nisa. Raġuni prinċipali ta’ dan għaliex l-irġiel għandhom tendenza li ma jfittxuh l-għajnuna daqs in-nisa minħabba li jibżgħu li jiġu redikolati. L-irġiel huma ħafna aktar imbarazzati jekk ifittxu l-għajnuna. Aktar minn hekk peress li l-irġiel idumu biex ifittxu l-għajnuna, allura l-mard li jinħakmu minnu jista’ jkun daħal ħafna iżjed il-ġewwa. L-irġiel milquta mill-mard mentali jużaw mekkaniżmi biex jikkumbattu l-marda differenti min-nisa.

L-irġiel ifittxu l-armi, l-użu tal-alkoħol jew droga, u jipparteċipaw f’aktar avvenimenti perikulużi. Ħafna irġiel ikollhom sentimenti ħafna aktar negattivi li jistgħu jaslu li jitilfu l-kontroll fuqhom infushom li sfortunatament jidħlu f’tendenza akbar ta’ suwiċidju. Il-media tista’ tkun mezz ta’ edukazzjoni u twassal informazzjoni korretta lill-pubbliku ġenerali. Il-media tista’ twassal ukoll messaġġi ta’ tama lil min ibati mis-saħħa mentali billi jirraportaw b’sensittivita u responsabilita.

Il-media wkoll hija fid-dmir li twassal aktar informazzjoni dwar is-servizzi għal dawk li jintlaqtu minn din il-marda fuq bażi nazzjonali bħalma huma l-linja tat-telephone 179 li toffri l-għajnuna, il-Fondazzjoni Richmond 1770, it-team psikjatriku fl-isptar Mater Dei.

Kull individwu fis-soċjeta irid jirrispetta lil dawk li jkunu għaddejjien minn żmien diffiċli u jevitaw li jirredikulaw jew jgħajru lil dawn in-nies għall-imġieba tagħhom. Kulħadd għandu jeduka ruħu dwar is-saħħa mentali biex inkunu dejjem lesti biex ngħinu lil ħaddieħor. Huwa mportanti li inkunu hemm għal kull individwu, nisimgħu, nifhmu imma nevitaw li nagħmlu xi tip ta’ ġudizzju. Kulħadd jista’ jsir vulnerabbli għax tolqtu xi ħaġa fil-ħajja. Għalhekk għandna nieħdu ħsieb tagħna nfusna u nħennu għalina nfusna u għandna nagħmlu l-istess ma ħaddieħor, ma kull membru tas-soċjeta’ Maltija u Għawdxija.

Qed inġib l-link għall-artiklu sħiħ bl-ilsien Ingliż kif ġie ppubblikat fil-Malta Today.

https://www.maltatoday.com.mt/lifestyle/health/113531/mens_mental_health_what_affects_it_and_how_to_improve_support#.Yao5htDMJPY

Leave a Reply