Ikompli l-attakk fuq Adrian Delia

Is-Sibt li għadda kellna l-famuża konferenza online mtella’ minn Repubblika u mmexxija minn Christoph Schwaiger. Kien hemm interventi minn Lawrence Gonzi, Manuel Delia u Kevin Cassar. Dejjem imdorri nsegwi lil Kevin Cassar permezz tal-kitba tiegħu fuq portals u gazzetti differenti. F’dawn l-aħħar ġranet kellna l-possibilita’ li nisimgħu wkoll l-interventi li huwa għamel fuq dan il-program partikulari. Fost il-ħafna affarijiet li qal għamel dikjarazzjoni speċifika li tgħid hekk:

Li jridu jinbidlu huma l-Partiti stess, u l-partiti stess it-tnejn li huma, ovvjament għandna problema ferm ikbar bil-Partit Laburista, imma dawk l-elementi li mhumiex integri, li hemm suspetti serji fuqhom, illi jkun hemm inkjesti maġisterjali għaddejjin fuqhom ma jistgħux jibqgħu hemmhekk. Trid tneħħiehom.

Kevin Cassar kien preċiż meta għamel referenza għaż-żewġ partiti. Mela nafu li hemm inkjesti għaddejjin fuq in-naħa tal-Partit Laburista u fuq in-naħa tal-PN. Dan l-argument ġie nnutat minn One News u bir-raġun, dan il-kumment ġie interpretat bħala attakk dirett fuq Adrian Delia, minħabba li fuq in-naħa tal-Partit Nazzjonalista hemm inkjesta maġisterjali għaddejja u din tinvolvi fiha lil Adrian Delia.

Mela l-One News ikkonkludew li meta Kevin Cassar tkellem, kellu f’moħħu lil Dr. Delia. Mela naslu biex nifhmu li Cassar qed jipprova jagħmel pressjoni fuq it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, jew speċifikament fuq Bernard Grech, biex itajjar lil Delia. Din kienet l-interpretazzjoni korretta ta’ One News.

Tiskanta kif Kevin Cassar u sħabu ta’ Repubblika għandhom memorja qasira. Mela nsew li hemm inkjesta li ilha mitfuħa mill-2013 u din tinvolvi lil Jason Azzopardi meta hu kien Ministru tal-Artijiet? Ser jitolbu r-reżenja ta’ Azzopardi minħabba din l-inkjesta?

Fil-verita’, tar-Repubblika għadhom ma qatgħux qalbhom li jkeċċu lil Dr Delia. Għadhom ma jistgħux iniżżluha li Dr. Delia huwa kandidat fuq is-7 u it-8 distrett f’isem il-Partit Nazzjonalista. Tas-Soċjeta Ċivili jinqdew f’kulħadd u l-ħin kollu biex iwasslu l-messaġġ tagħhom li ma jridux li Dr Delia ikun kandidat u biex jilħqu l-għan tagħhom lesti jgħawġu l-fatti.

Il-velenu li ilhom jisqu lill-poplu għadu ma spiċċax u għadhom jitħabbtu biex iwarrbu għal kollox lil Dr Delia. Dak li nista’ nissuġġerixxi huwa li għall-konferenza li jmiss, ta’ Repubblika jistaqsu lil ċertu Joseph Theuma biex imexxiha hu! Fil-każ dejjem jistgħu jibgħatulu email fuq l-indirizz josephtheuma79@gmail.com.

Biss Kevin Cassar mhux Joseph Theuma. Kevin Cassar jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu aħjar minn Joseph Theuma peress li huwa r-raġel ta’ oħt Beppe Fenech Adami. Mela hija kwestjoni familjari. Kulħadd konxju li Beppe Fenech Adami ilu jiġġieled u jitħabat biex Dr Adrian Delia ma jkunx kandidat wara li qala’ fwiedu jitbaqbaq u jistinka biex iwarrbu minn kap tal-Partit.

Biss tidher ovvja li ma kienx kuntent li twarrab minn kap għax għadu jitħabat biex iwaqqaf il-kandidatura tiegħu. Kulħadd jaf li Beppe Fenech Adami ser ikollu ġlieda qawwija fuq it-8 distrett biex iżomm postu u għalhekk għadu jipprova jfittex raġuni biex iqaċċat lil Dr. Delia minn kandidat.

Mela Kevin Cassar għamel dik id-dikjarazzjoni b’messaġġ ċar lil Bernard Grech biex iwarrab lil Adrian Delia biex forsi Beppe Fenech Adami jserraħ rasu li jitla’ fil-parlament mit-8 distrett. Konna ħsibna li la Beppe u sħabu rnexxielhom itajru lil Dr Delia minn Kap, dawn l-attakki sottili u sinifikanti se jieqfu, imma tidher ovvja li għadhom ma qatgħux qalbhom u għadhom jittamaw li jirnexxielhom li sal-elezzjoni Dr. Delia ma jibqax kandidat.

Leave a Reply