Mario Thomas Vassallo jgħid li wara l-elezzjoni ser tikber l-għajta biex il-Partit Nazzjonalista jinqasam

Blog post minn osservatur politiku

Mistieden fuq program televiżiv fejn kien qed jiġi diskuss l-aħħar survey tas-Sunday Times, l-akkademiku Mario Thomas Vassallo qal dawn il-preċiżi kelmiet fir-rigward tal-Partit Nazzjonalista:

Iva veru hemm kwistjoni ta’ issues ta’ kredibilita’, mhux neċessarjament għaliex il-policies u l-wegħdi li ħerġin bihom għall-elezzjoni li ġejja huma ħżiena, huma tajbin anżi, imma ma jiswew xejn jekk il-poplu ma jemminx li inti tista’ twettaqhom. Għaliex? Għaliex il-Partit Nazzjonalista huwa bħal dak il-kliem tal-vanġelu, ‘ebda saltna maqsuma fiha nnifisha ma tista’ tieqaf fuq saqajha’, u l-Partit Nazzjonalista huwa maqsum fih innifsu, maqsum mhux jekk hux leader A jew leader B, imma maqsum ideoloġikament u jiena wieħed li nemmen, ngħid u għidtha pubblika, li wara l-elezzjoni li jmiss se tikber l-għajta biex il-PN jinqasam f’żewġ partiti għaliex il-fazzjonijiet huma irrikonċiljabbli.

Huwa kliem iebes ġej minn akkademiku li jżomm ruħu nfurmat u aġġornat fuq il-politika Maltija. Il-Partit Nazzjonalista jrid bil-fors jagħmel qabża fil-ħsieb tiegħu. Ma jistax ikun li t-tmexxija tibqa’ b’rasha mdaħħla fir-ramel u tħalli l-affarijiet għaddejjin qisu xejn mhu xejn.

Is-sostenituri tal-Partit ma jifilħux jaraw iżjed lill-partit tagħhom iwettaq żball wieħed wara l-ieħor, speċjalment b’referenza lejn l-abort u l-kannabis, żewġ suġġetti li kienu diskussi f’dawn l-aħħar ġranet. Ma jistax ikun li partit kbir fl-oppożizzjoni jibqa’ kontinwament jispara lejn saqajh u jikkommetti aktar auto-goals.

Fit-tieni intervent tiegħu Mario Thomas Vassallo għamel rikjesta lil dawk id-deputati magħrufa bħala l-klikka jew il-blue heroes. Fil-fatt huwa qal li

survey wara survey issa huwa wake up call oħra għall-blue heroes biex iqumu fuq saqajhom, isabbtu saqajhom u jsalvaw lill-Partit. Ma jistgħux jibqgħu reqdin il-blue heroes”.

Intervjena il-preżentatur li staqsa jekk hux qabel l-elezzjoni ġenerali. Vassallo irrisponda

illum, għada jew il-lejla”.

Il-preżentatur reġa’ intervjena u qal li jekk ma isirx hekk mill-blue heroes, tkun qed issir inġustizzja ma’ Adrian Delia. Vassallo qabel mal-preżentatur u kompla jgħid li

mhux hekk hu, double standards”.

L-akkademiku qed jagħraf li l-akbar ħsara li saret lill-Partit Nazzjonalista ġiet mill-klikka valenuża li ħadmet kemm felħet biex tneħħi lill-kap tagħha.

Fil-fatt, kif diġa rajna, Vassallo qed isejjaħ lill-blue heroes biex iqumu minn hemm u wara li għamlu tant ħsara, isabbtu saqajhom biex forsi din id-darba jsalvaw il-partit minn diżastru ċert.

Mhux is-sostenituri ta’ Adrian Delia biss qed jirrealizzaw li l-klikka kienet u għadha tkun il-qerda tal-partit, imma anke l-akkademiku Vassallo qed isejjaħ lil dawn l-istess deputati biex jagħmlu dmirhom u jippruvaw isalvaw dak li fadal mill-partit.

Xejn xejn, ikunu qed juru konsistenza fil-ħsieb tagħhom. Ftit iżjed minn sena ilu kienu aġixxew minħabba n-numri fis-surveys. Issa li s-surveys qed juru l-istess jew agħar, iridu jagħmlu dak li għamlu ma’ kap ieħor qabel, inkella ser ikompli jirredikolaw irwieħom. Kif qalilhom Vassallo jkunu veru aġixxew b’double standards u allura tkun f’waqtha li ħafna sostenituri tal-partit qed jitolbu li jagħmlu tindifa tajba minnhom fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.

One thought on “Mario Thomas Vassallo jgħid li wara l-elezzjoni ser tikber l-għajta biex il-Partit Nazzjonalista jinqasam

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *