L-imġieba tal-politiċi u l-protesta tal-bieraħ għar-reżenja tal-Ispeaker

Allura l-bieraħ, tar-Repubblika għoġobhom jagħmlu protesta biex jitolbu r-riżenja ta’ Anglu Farrugia. Dan kollu, għaliex skont il-membri ta’ Repubblika u Lawrence Gonzi, Anglu Farrugia qed jiddefendi lil Rosianne Cutajar u skont dawn, Rosianne Cutajar hija politiku korrott. Il-verita’ hija li l-iSpeaker mexa b’mod korrett skont il-proċedura. Anzi, nixtieq li Lawrence Gonzi jgħidilna kemm il-proċedura mexxa huwa, meta kien Speaker, li wasslet għal ċensura ta’ deputati tal-Gvern Nazzjonalista?

Biss Gonzi u sħabu ma kienux kuntenti b’din il-mozzjoni ta’ ċensura. Gonzi u sħabu talbu r-riżenja ta’ Rosianne Cutajar. Kieku talbu din ir-reżenja għaliex Cutajar hija favur l-abort u l-abort għadu fatt il-legali f’Malta, forsi kont nibda nifhimha. Imma li Rosianne Cutajar għandha tirreżenja għaliex allegatament ħadet rigal mingħand Yorgen Fenech ma nifhimx. Fuq kollox, il-veru protagonista f’dik it-transazzjoni ta’ flus kontanti ma kienetx Cutajar, imma r-raġel ta’ mħallfa tal-qrati tagħna. Ara fuq dan il-punt, ta’ Repubblika b’ħalqhom mitbuq!

Mela bl-istess argument għaliex ma talabx Lawrence Gonzi r-reżenja ta’ Bernard Grech meta dan għamel madwar tnax-il sena ma jħallasx taxxa u kumbinazzjoni ta’ malajr saret crowd funding biex jinġabar l-ammont miftiehem biex l-istess Bernard Grech ikun jista’ jipparteċipa fit-tellieqa ta’ kap? Possibli li din l-imġieba hija aċċettabbli għar-Repubblika u Lawrence Gonzi? Anzi nfakkar li n-nies ta’ Repubblika kienu wara din l-għażla.

Niftakru li f’dan il-każ, l-appuntament mal-għola awtorita’ tat-taxxa sar f’ħakka ta’ għajn biex ma jintilifx ħin preżżjuz. Nirrappurtaw li l-istess Bernard Grech ried ibellagħhielna li ġabar il-flus minn għand ibnu li kien għadu kif qabad jaħdem għax iggradwa f’din l-aħħar sena.

Sejjer il-Kummissarju tal-Istandards jinvestiga din l-imġieba? Ma naħsibx. Fuq kollox, qatt ta’ Repubblika talbu r-reżenja ta’ Jason Azzopardi talli iddobba safra ġo lukanda lussuża ġo Tel Aviv imħallsa mill-istess Yorgen Fenech, biex ikollu ċ-ċans kollu jmur fuq il-qabar ta’ Kristu? Mhux talli ma talbux, talli għal xi żmien kien l-avukat tagħhom.

Ser isir rapport jew talba minn Repubblika biex ikollhom informazzjoni dettaljata ta’ kemm ir-rigal iddobba Jason Azzopardi minn għand Yorgen Fenech, bħal ma huma weekend breaks, coffee mornings u ħafna affarijet oħra?

Allura jkun tajjeb li wieħed jipprotesta anki kontra dawn l-affarijiet ukoll. Imma l-aqwa li nużaw strutturi Ewropej biex nattakkaw deputat u mhux ieħor u jekk id-deputat tkun mara, mhux avukat u ma jkollhiex double-barrelled surname, l-attakk isir aktar qawwi. Jekk hemm bżonn anki nużaw l-istrutturi fil-Kunsill Ewropew biex nilħqu l-iskop tagħna. Tajjeb hekk?

Dan it-tip ta’ logħob politiku żgur li ma jagħmel ebda ġid lil pajjiżna u wisq aktar lill-Partit Nazzjonalista li qed ikompli jitlef l-appoġġ mal-elettorat. Żgur li ma jkunx qed itella’ isem Malta ‘l fuq. Dak kollu li jsir b’attaġġjamenti bħal dawn huwa aktar tħaffir fil-ħofra jisimha Partit Nazzjonalista. Suppost kull rappreżentant Malti u Għawdxi qed jagħmel ħiltu biex jevita li naslu għal dan il-livell. Suppost kull rappreżentant tal-poplu jpoġġi lil Malta fuq l-għola pedestal, indurat b’deheb fin u miżmum nadif għad unur tal-poplu kollu tal-gżejjer tagħna.

One thought on “L-imġieba tal-politiċi u l-protesta tal-bieraħ għar-reżenja tal-Ispeaker

Leave a Reply

Your email address will not be published.