Where your opinion counts

Lawrence Gonzi u Simon Busuttil niżżlu lill-Partit Nazzjonalista fil-qiegħ

Blog post minn osservatur politiku

Il-Partit Nazzjonalista tal-bieraħ t’lura, tal-bieraħ u dak tal-lum huma ħaġa waħda mal-Għaqda Repubblika. Dan qed ngħidu għaliex Lawrence Gonzi qalilna biex il-lejla mmorru l-protesta organizzata minn Repubblica et al. Gonzi qalilna li meta ikun hemm għajta bħal din, għandna nwieġbu għal dawk il-mistoqsijiet.

Simon Busuttil ingħaqad miegħu u qalilna li “KULĦADD JAF LI PAJJIŻNA spiċċa grey-listed għax tilef kull sens ta’ serjeta’ u integrita’ fit-tmexxija tiegħu. Reġa’ wasal iż-żmien li nibgħatu messaġġ li jixirqilna aħjar.” Ma tistax tkun iżjed ċara minn daqshekk. Kien qed iħeġġiġna biex il-lejla mmorru il-Belt biex nieħdu parti fil-protesta.

Is-slogan użat għal-lejla huwa “Protesta. Ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk”. Naqbel ma’ dan is-slogan imma biex nindirizzah lill-Partit Nazzjonalista. Lil dan il-Partit ngħidlu li sewwa qed jgħidu ta’ Repubblika li ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk. Ma jistax ikun li l-Partit Nazzjonalista jiġi mġebbed biex jirkeb fuq il-karru ta’ Repubblika. Ma jistax ikun nibqgħu nimxu wara nies li kissru lil Partit Nazzjonalista.

Dawn huma ex-Nazzjonalisti li saret l-għaxqa tagħhom li jżebilħu lill-Partit Nazzjonalista biex jilħqu l-iskopijiet ta’ moħħhom. Qed ipaxxuhom illum żewġ eks- kapijiet tal-partit, Gonzi u Busuttil. Issa jekk irridu nkunu sinċieri magħna nfusna, dawn iż-żewġ kapijiet misshom jifhmu li dawn kienu n-nies li ħadmu kemm felħu biex tajru kap bħalhom.

Hija tal-mistħija li żewġ kapijiet tal-partit joħorġu jħajru lill-partitarji Nazzjonalisti biex jingħaqdu ma’ nies li ħadmu kontra t-tmexxija tal-partit tagħhom għal tliet snin sħaħ. X’messaġġ qed jibagħtu dawn iż-żewġ Kapijiet? Dawn qed ikomplu jnisslu l-firda fil-partit li tiegħu huma kienu kapijiet fi żmien differenti. Dawn qed iħeġġu lill-partitarji tal-partit suppost tagħhom stess biex jingħaqdu ma’ ta’ Repubblika et al, nies li lissnu disprezz lejn il-partit u l-kap tiegħu.

Kif jista’ jkun li n-Nazzjonalisti ma jħossuhomx imweġġa’ minn diskorsi u azzjonijiet bħal dawn? Kif jista’ jkun għad hawn Nazzjonalisti li mhumiex irrabjati meta jaraw lil Gonzi u Busuttil, jirribellaw kontra l-partit tagħhom meta jingħaqdu mal-għadu? U dan biex ma nsemmux numru kbir ta’ deputati mal-kap tal-lum Bernard Grech, li dejjem xandru u qasmu l-ħsibijiet tagħhom li huma se jingħaqdu fil-protesti ma’ Repubblika et al.

Komplu sejrin hekk. Komplu għaffġu. Komplu ibagħtu messaġġi kontrastanti u taraw kif ser ikomplu jonqsu l-voti favur il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista niżżiltuh fil-qiegħ. B’dawn il-messaġġi se tifqgħu l-qiegħ u tkomplu tħaffru aktar l-isfel.

One thought on “Lawrence Gonzi u Simon Busuttil niżżlu lill-Partit Nazzjonalista fil-qiegħ

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *