Il-politiku jeleġġuh in-nies u mhux l-għaqda Repubblika.

Is-Sibt kellna konferenza on-line organiżżat mill-Grupp Repubblika. Fiha ħa sehem l-ex-Prim Ministru Lawrence Gonzi, Manuel Delia u Kevin Cassar. Skont dawn l-illustri, illum politiku għandu jkun fil-Parlament skont jekk dawn in-nies u Repubblika iriduhx fil-parlament jew le. J

Il-verita’ hija li politiku jeleġġuh in-nies u mhux l-għaqda Repubblika u dawk l-individwi li qed jagħtuha support. Allura l-politiku jrid min-nies u jirrispondi lin-nies u mhux lil Lawrence Gonzi jew lin-nies ta’ Repubblika.

Il-politiku jrid bil-fors jibqa’ qrib in-nies u mhux isir xi esseru esklussiv tal-ewwel tier kif iridu ta’ Repubblika. Il-politiku għandu jibqa’ qrib in-nies is-sena kollha, il-leġislatura kollha u mhux fil-ftit ġimgħat ta’ qabel elezzjoni.

Il-viċinanza man-nies għandha tkun l-aqwa sodisfazzjoni għall-politiku. Naħseb li dan hu l-vera raġuni għala qed tkun attakkata Rosianne Cutajar għaliex minkejja kollox, baqgħet qrib in-nies. Min hemm biss jista’ jarma il-bagalja politika tiegħu. Kull politiku għandu jħoss sodisfazzjoni meta jiltaqa’ man-nies u jkun qrib tagħhom. Ara għar-Repubblika, in-nies qegħdin hemm biex jintużaw ħalli xi erba’ paladini fosthom jagħmlu xi kemxa flus tajba!

Huwa f’din il-viċinanza, li politiku jkun jista’ jisma’ u jħoss il-weġgħat tan-nies, u jagħraf jagħġen is-suġġerimenti li jagħmlulu. Huwa min-nies li tifhem jekk il-politika li qed tkun adottata hiex tkun ta’ ġid u jekk qed tkun ta’ ġid, kif tista’ titjieb għal aktar ġid. Kull politiku li jisma’ lin-nies ikun jista’ jkompli fuq dak li jkun qed jitwettaq tajjeb dejjem skond in-nies u ħafna drabi jkun jista’ jixtarr il-proposti li jagħmlulu n-nies u jekk jaqbel jgħin fit-twettieq tagħhom. Hawn jinsab il-kobor tas-sistema tagħna. Għaliex finalment, fis-sistema tagħna, in-nies għadhom jeliġġu lir-rappreżentanti tagħhom u din l-għażla tmur lilhinn mill-għażla tal-partit innifsu.

Għalhekk qed ninsisti li għall-politiku, il-kuntatt man-nies għandu jkun priorita’ assoluta. Dan in-nuqqas ta’ kuntatt wassal lill-Partit Nazzjonalista biex jisfronda. Il-lejla ser ikun hemm protesta. Ser iġġib din il-protesta lill-politiċi Nazzjonalisti qrib in-nies? Le. Anzi ser tkompli tnaffar lin-nies tan-negozju minn dan il-partit!

Minflok politiċi u deputati qed jgħinu biex il-kuntatt bejn il-politiku u n-nies jkun kostanti, anki lejlet elezzjoni qed joħolqu sitwazzjoni diffiċli għall-istess partit. Minflok jaħdmu fuq dan il-kuntatt biex jiġu ppremjati, qed jieħdu l-pariri ta’ Repubblika u Manuel Delia u qed ikomplu jinżlu l-isfel mal-elettorat!

Il-poplu sar aktar miftuħ għad-diskors ma’ kull politiku u sar ta’ pjaċir li n-nies jiltaqgħu mal-politiku wiċċ imb’wiċċ. Il-kostitwent fl-era moderna tal-lum qed iħossu aktar komdu li jiltaqa’ mal-politiku, speċjalment ma’ dak li jkun qed jippreżentah fil-lokalita’ fejn jgħix, fil-parlament Malti u f’dak Ewropew. Naqset ħafna ir-riġidita’ li kien hemm fl-imgħoddi.

Kull politiku li jkun irid verament iwettaq il-ġid fuq livell komunitarju jrid bil-fors jiddiskuti mal-kostitwenti tiegħu biex flimkien janaliżżaw it-triq ‘l quddiem. Huwa l-kuntatt man-nies li jistabilixxi ċ-ċavetta tal-ħsieb biex titkompla tinbena l-politika ta’ kull partit politiku. Il-mistoqsija tiġi waħidha. Il-protesta tal-lum ser issaħħaħ jew tkompli tnaqqas dan il-kuntatt?

Min qed jorganiżża din il-protesta ma għandux il-polz tal-poplu. Irid jitgħallem jiftaħ għajnejh jekk verament jinteressah li jagħmel il-ġid. Dan għandu jirrifletti l-ħsieb tal-politiku kemm fuq livell lokali, nazzjonali u saħansitra dak Ewropew. B’hekk l-ebda politiku li jiġi elett mill-poplu ma għandu jkun sfurzat jirreżenja għaliex finalment hu l-poplu li tellgħu. Mela huwa dritt biss tal-poplu – u mhux ta’ Repubblika – li jisfurzah biex jinżel.

X’messaġġ ikun qed jibgħat politiku li jibqa’ f’kuntatt man-nies? Żgur li ma jmurx xi protesta bħal tal-lejla. Dawk li ser imorru f’din il-protesta ser ikunu qed iwasslu messaġġ li ma għandhomx rispett lejn min eleġġja deputata minn fosthom. Ikun qed jipprova jkisser l-argument li kull politiku huwa politiku grazzi għan-nies li jkunu vvutawlu jew se jivvutawlu. Ikun qed jissiġilla l-fatt li hu se jkun qed iressaq il-ħsibijiet, suġġeriment jew proposti li mhux ġejjin min-nies imma minn gruppi oskuri u perikolużi għad-demokrazija ta’ pajjiżna. Ser jipprovaw juru li politiku li tela’ bis-saħħa tan-nies ma għandux dritt jibqa’ fil-parlament.

Għaliex nemmen li f’dan kollu Repubblika ser toħroġ telliefa? Għaliex qed tiġġieled kontra nies li ma jħarsux lejn in-nies bħala magna tal-voti, imma dejjem urewhom rispett, inkluż lejn individwi li ma jaqblux magħhom.

Mela l-azzjoni ta’ Repubblika u Manuel Delia, mhux ser twassal biex iġġib ir-reżenja ta’ Rosianne Cutajar jew l-iSpeaker Anġlu Farrugia. Minflok, fil-każ ta’ Rosianne Cutajar din ser tkompli tissaħħaħ għaliex wara dawn l-attakki nġusti, iċ-ċans huwa li ġġib aktar voti mill-votant Laburista fuq id-distretti li ħierġa fuqhom!

Leave a Reply