Jacob Borg spiċċa jagħti raġun lil Adrian Delia wara li kien għamel kampanja kontrih

Is-Sunday Times irrapportat li l-Ministru tal-Finanzi qal li “negotiations about the concession had stopped quite a while ago.” Dan ġie rrappurtat minn Jacob Borg.

Mela kellu raġun Dr Adrian Delia meta qal li Steward qed jaċċettaw il-fatt li se jitilfu l-konċessjoni li għandhom u se jippruvaw jiġġieldu biex jieħdu l-100 miljun euro li kien wegħedhom Konrad Mizzi. Wieħed irid ifakkar li Jacob Borg kien il-ġurnalista tas-Sunday Times li għamel kampanja sħiħa kontra Adrian Delia!

Dejjem skond il-gazzetta, il-Ministru Clyde Caruana ammetta li l-investment li suppost sar fl-isptarijiet minn Steward Healthcare, mhux qiegħed skond il-livelli mistennija. Il-Ministru kompla li għalkemm hemm xi evidenza ta’ xi xogħol ta’ rinnovazzjoni, xorta jibqa’ il-fatt li kien mistenni ħafna iżjed.

Il-Ministru għamel żball li ma rreferiex għal dak li l-istess Steward esponew fil-qorti ftit tal-ġranet ilu fejn qed jgħidu u juru f’ritratti li ftit li xejn sar xogħol fl-isptarijiet. Dan sirna nafuh mill-qorti grazzi għall-kawża li nfetħet minn Dr Adrian Delia u li waslet tpoġġi lil Steward b’daharhom mal-ħajt u kellhom jammettu li għamlu ħafna inqas progress minn dak li kien miftiehem.

Id-dikjarazzjoni ta’ Clyde Caruana li Steward ma għamlux l-investimenti miftieħma jirrifletti eżatt l-akkużi kollha li ilu jagħmel Dr Adrian Delia. L-istess Dr Delia kien talab fil-qorti biex Steward jirrappurtaw ix-xogħol li għamlu.

Steward ippreżentat xi ritratti li jirredikulaw lilhom infushom għall-pastażata ta’ investiment li suppost għamlu. Clyde Caruana ma għandux għalfejn jistaqsi jew jindaga għax evidenza diġa’ hemm il-qorti u Dr. Delia għamilha kollha pubblika. Dr. Delia kien qal li Steward preżentaw evidenza li biha kkonfermaw li huma stess (Steward) huma ħallelin.

Jekk verament il-Gvern irid li ssir ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi kollu, hemm bżonn li din il-konċessjoni tiġi kanċellata kemm jista’ jkun malajr. Wara mingħajr dubju l-istess Gvern ser ikollu jiġġieled ġlieda iebsa biex ma jħallasx dawk il-100 miljun euro li daħħalna fihom l-ex Ministru Konrad Mizzi.

Leave a Reply

Your email address will not be published.