It-toroq reġgħu għerqu

Blog post minn osservatur politiku

Kemm hawn min jieħu pjaċir jaqta’ ż-żigarelli u jiftaħ xi triq ‘l hemm u ‘l hawn. U ġieli norganizzaw u nonfqu l-eluf ta’ euro, anke żewġ okkazzjonijiet għall-istess proġett. L-aqwa li jidher u jitkellem quddiem il-cameras ħalli jarawh. Ma jaħrab minn ebda kelma jew mistoqsija l-Ministru Ian Borg meta jkun fuq xi podium jiftaħ xi triq ġdida jew xi flyover. Ma jiddejjaqx jiffaċċja lill-ġurnalisti u jkun kollu tbissim għax ikun fis-seba’ sema li jkun spiċċa proġett ieħor.

Imma meta jasal l-għawġ u jitfaċċa l-maltemp, il-Ministru tal-Infrastruttura malajr isib l-iskuża għad-diżastri li qed isiru fit-toroq. L-iskuża tal-climate change sabha komda l-Ministru. Malajr ħasel idejh mill-kritika li qed issir fuq il-mod dilettantesk li bihom ġew mibnjija ħafna mit-toroq il-ġodda. L-iskużi kollha li jista’ jivvinta jew juża l-Ministru Borg mhumiex se jeħilsuh minn ebda kundanna li jista’ jirċievi għax-xogħolijiet li saru u qed isiru fit-toroq tagħna.

Veru li għamlet ħafna xita imma din mhux xi ħaġa ġdida u lanqas ma nħolqot issa għax ħlomna bil-climate change. Hawn ħafna jiftakru xita qawwija speċjalment f’Settembru meta f’pajjiżna jkollna l-ewwel maltemp tal-istaġun. Qabel ma kellniex il-problema tal-climate change u ġieli saru maltempati kbar u anki mietu n-nies.

Kien ikun hemm ħsara imma u rajna l-għargħar li qed naraw bħalissa. Il-problema mhux l-għargħar imma l-proġetti kbar li qed isiru. Kull proġett kbir jew triq ġdida li qed issir qed tħalli sfreġji kbar kull darba li qed tagħmel ix-xita. Il-Ministru għandu jkun umli biżżejjed li ma jfittix aktar skużi u jammetti li ċertu toroq ma sarux bil-għaqal biżżejjed.

Meta tiftakar li pajjiżna mdawwar bil-baħar ma tistax taċċetta iżjed li proġetti li qed isiru f’dawn iż-żminijet ma għandux ikollhom il-pjanijiet u sistemi preparati biex jilqgħu għal dak li jista’ jinqala’. Lanqas hu sewwa li tara u tisma’ lill-Ministru jaħsel idejh minn kollox, iwaħħal fil-climate change u ma jkunx f’sitwazzjoni li jagħti tweġiba waħda fuq min ser ibati l-konsegwenzi ta’ dak kollu li ġara.

Fuq kollox, il-problema tal-climate change ilha magħna. Il-problema hija waħda ta’ pendil. Mal-gvern hemm ħafna periti speċjalizzati f’dan il-qasam imma, għal xi raġuni jew oħra, ġew imwarrba. U żgur li ma twarrbux għal raġuni politika!

Ministru ma jurix kemm hu bravu fil-glorjuż biss. Meta jinħoloq l-għawġ, il-ministru jrid jirrispondi ta’ għemilu u jara fejn saru l-iżbalji minn min kien fdajt bi proġetti ta’ miljuni li ġejjien minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-vera problema tinsab fil-fatt li numru ta’ perit li jaħdmu mal-gvern jew aġenziji tal-istess gvern huma serji imma dawn twarrbu għax dawn kull ma jistgħu jaqilgħu hija l-paga tal-aħħar tax-xahar!

Leave a Reply

Your email address will not be published.