Chris Fearne qed jipponta biex jieħu post Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew

Id-deputat Prim Ministru, Chris Fearne baqa’ għaddej bil-programm tiegħu ta’ attivitajiet politiċi anki jekk l-elezzjoni ma saritx kif kien mistenni fix-xahar ta’ Novembru. Matul dawn l-aħħar ġimgħat, kompla jorganiżża attivitajiet politiċi bħal coffee mornings ġewwa Marsaxlokk, li hu post li jagħmel parti minn wieħed miż-żewġ distretti li ser ikun qed jikkontesta fihom. Għandi nassumi li dawn qed isiru skont il-protokolli maħruġa mis-Sopraintendenza tas-Saħħa Pubblika. Dak li nista’ ngħid li Chris Fearne joqgħod attent li meta jkun waqt dawn l-attivitajiet jilbes il-maskla!

Dawn l-attivitajiet ta’ Chris Fearne qed ikunu ferm popolari u l-attendenza għalihom qed tkun waħda numeruża u ġieli anki jaqbżu l-350 ruħ. Bħala viċi-prim ministru ma għandux għalfejn jagħmilhom. Dr. Chris Fearne mhux qed jagħmel dawn l-attivitajiet għax qed jibża li mhux ser jitla’. L-uniku skop li qed jagħmilhom huwa biex jassigura li jkun wieħed mill-kandidati Laburisti li l-aktar li jġib voti mill-elettorat. Naħseb li saħansitra għandu ċans li jġib voti aktar minn Dr. Robert Abela.

Jekk jigri hekk tkun l-ewwel darba fl-istorja riċenti politika li kandidat ġewwa partit iġib aktar voti mill-kap tiegħu stess. Din tista’ tikkrea ċertu nkwiet politiku kemm fi ħdan il-Partit Laburista u anki għall-president meta jrid jagħżel skont il-kostituzzjoni il-persuna li fl-idea tiegħu għandha l-aktar appoġġ popolari fi ħdan il-partit elett biex jifforma gvern.

Biss onestament, ma naħsibx li Fearne qed jaħdem dan biex jaqlibha lill-Prim Ministru jew il-kap tal-Partit tiegħu, jiġifieri biex jilħaq minn floku. Iġib kemm iġib voti, l-interess tiegħu huwa ieħor. Fearne qed iħares biex isir Kummissarju Ewropew wara Helena Dalli. Ovvjament, jekk ikun l-aktar deputat li ġab voti isaħħaħ idejh għal din il-pożizzjoni. Hu jixtieq li eventwalment jingħata d-dikasteru tas-saħħa.

Dan jispjega għala, bħala l-Ministeru tas-Saħħa, huwa daqshekk qawwi f’dik li hija kampanja li qed imexxi dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-covid u qed jara li jkollu numru kbir ta’ Maltin li jeħduha. L-istess qed jagħmel issa dwar il-boosters. Dan is-suċċess ikompli jsaħħaħlu idejh biex eventwalment ikun jista’ jieħu dan id-dikasteru tas-saħħa ġewwa l-Ewropa.

Imbagħad fuq livell lokali mhu qed iħalli xejn għaddej. Hu fatt magħruf li l-kampanja tiegħu qed tmexxiha Ms. Carmen Ciantar. Mhux biss hemm nies li kontinwament iċemplu lill-kostitwenti taż-żewġ distretti li fihom ser jikkontesta u jaraw jekk jonqoshom xi ħaġa u jekk ikun jonqos xi ħaġa, speċjalment jekk din tkun ġejja mill-qasam tas-saħħa, jaraw kif dawn in-nies verament jinqdew, imma saħansitra anki jċemplu lil dawk li jkunu attendew xi attivita’ politika tal-istess ministru u jistaqsuhom jekk ħadux pjaċir jew le u jekk le x’kienet ir-raġuni u x’jixtiequ li jinbidel! Verament għandu “a well-oiled machine” kemm fuq livell distrettwali u anki fuq livell nazzjonali ta’ saħħa.

Leave a Reply