Il-mexxej kariżmatiku u il-video tal-Milied ta’ Bernard Grech

Bernard Grech tella’ video fejn fih jidher mal-familja jarma s-siġra tal-Milied. Dan il-video kellu reception differenti. Kien hemm min, bħal l-eks-editur tas-Sunday Times, Steve Mallia rah banali. Hemm oħrajn li rawh bħala video ta’ familja normali bit-tfal jifirħu u jduru mas-sigra tal-Milied. Dak li nista’ nżid li dawn it-tip ta’ xeni kien iħobb jagħmilhom Joseph Muscat. Jien personalment kont kritiku tagħhom meta kien jagħmilhom Muscat. Biss il-mistoqsija tiegħi hija din; videos bħal dawn ser jagħmlu minn Bernard Grech mexxej kariżmatiku jew le?

Kull kap jew mexxej għandu l-istil tiegħu tat-tmexxija. Imma liema hu dak il-kap li l-iżjed jista’ jinfluwenza lill-poplu? Liema huma dak il-kap jew mexxej li oħrajn lanqas jibdew ħdejh? Dak il-mexxej li jasal sal-livell li jissejjaħ mexxej karażmatiku. Ħafna jaraw f’mexxej kariżmatiku l-kap ideali tagħhom. L-istil kariżmatiku li jista’ jippossedi kap jostor għal kollox kull forma oħra ta’ tmexxija.

Il-kap kariżmatiku huwa meqjuż bħala l-iżjed kap b’saħħtu biex imexxi warajh il-kotra. Xi tfisser li kap ikollu stil ta’ tmexxija kariżmatika? Li mexxej ikun kariżmatiku huwa don li mhux kulħadd jista’ jkollu. Dan it-tip ta’ mexxej ġeneralment ikollu viżjoni ċara u jkollu attribut tajjeb ta’ kif jikkomunika l-viżjoni tiegħu. Mela l-mistoqsija tiġi waħidha. Video bħal dan jikkomunika din il-viżjoni?

Persuna kariżmatika tuża komunikazzjoni tajba, tinkoraġġixxi u l-qawwa tal-personalita’ tagħha timmotiva lin-nies ta’ madwarha u lil dawk li politikament jimxu warajha. Kull mexxej kariżmatiku jirnexxielu jiġbed ħafna nies warajh. In-nies jinġibdu lejh għax iħossuhom parteċipi fis-suċċessi li żgur ser ikollu mexxej kariżmatiku. Dan il-video jgħin biex jiġbed lin-nies wara Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista?

Ħafna politiċi jew attivisti ġew imsejħa kariżmatiċi. Dawn il-ħafna politiċi jissejħu hekk għax il-kariżma tkun marbuta mal-personalita’ tagħhom. Dawn il-mexxejja kariżmatiċi jkollhom don fuq ħaddieħor li jikkomunikaw tajjeb b’mod normali mas-sostenituri tagħhom. Dawn it-tip ta’ mexxejja huma bżonnjużi minn partiti politiċi li jkunu mixjin lejn xi diżastru jew li jkunu qed isibu problema kbira biex jimxu ‘l quddiem.

Mexxejja kariżmatiċi huma nies uniċi. Wieħed jinġibed lejn xi ħadd kariżmatiku minn qalb folla nies. Għandhom effett fuq in-nies ta’ madwarhom. Iktar minn hekk għandhom don qawwi biex jimmotivaw oħrajn u għandhom kapaċita’ li janalizzaw organiżazzjoni billi jgħarfu x’inhuma n-nuqqasijiet.

Il-ħsieb kritiku, il-mod kif janalizzaw l-evidenza u kif jirnexxielhom isibu l-mod ideali biex jindirizzaw problemi huma karatteristiċi mportanti ta’ mexxej kariżmatiku. Il-komunikazzjoni li tiġi b’tant naturalezza lill-mexxej kariżmatiku tgħinu biex jispira lis-segwaċi tiegħu matul mumenti diffiċli u jżommhom kawti meta l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb. Dan il-video joħorġu dan l-element kariżmatiku?

Għal mexxej kariżmatiku li jiddiskuti ma’ persuna waħda jew ma’ grupp hija ħaġa faċli. Persuna kariżmatika għandha l-kapaċita’ li tagħraf is-sentimenti tan-nies. Emozzjonalment tiskanta kif mexxej karismatiku juri pożittivita’ u kontroll assolut fuq l-emozzjonijiet tiegħu. Normalment, mexxej kariżmatiku hu persona pożittiva u ottimista. Dan il-video jipproġetta pożittivita’.

Fuq kollox mexxej karażmatiku ikun jaf li jippossjedi l-kariżma u ma jippruvawx ikunu xi ħadd ieħor. Din tiġib b’mod naturali. Dan iwassalni għal mistoqsija oħra. Kemm dan il-video jipproġetta dak li hu verament Bernard Grech? Kemm dak li qed naraw hu xi ħaġa naturali u mhux finzjoni?

Meta mexxej jipproġetta dak li hu tgħinu ħafna biex iħossuhom komdu u mogħni b’kunfidenza. Huma dawn in-nies kariżmatiċi li jagħtu kunfidenza lis-segwaċi tagħhom li kapaċi joħorġu l-partit jew istituzzjoni mill-problemi li jkunu fihom bis-soluzzjonijiet li kapaċi jsibu.

Fuq kollox, kap kariżmatiku għandu għal qalbu l-ġid tan-nies. Huwa l-għan tagħhom li jimmeljoraw il-livell politiku tan-nies ta’ madwarhom. U għandhom kapaċita’ assoluta li jikkonvinċu lis-segwaċi li jimxu warajhom u jaħdmu magħhom. Hija l-komunikazzjoni pożittiva tagħhom mibnija fuq diskors li jaspira u li jikkonvinċi li jkompli jiġbed lejhom numru dejjem aktar ta’ sostenituri. Fi kliem ieħor, il-vera mexxej kariżmatiku ma jibnix il-kariżma fuq l-immaġni imma fuq il-kelma.

Inħalli f’idejkom biex tevalwaw kemm videos bħal dan joħrog l-kariżma jew le ta’ persuna li tinsab fil-politika.

Leave a Reply