X’tfisser l-għażla ta’ Roberta Metsola bħala l-kandidata tal-EPP għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew

Dak li għamlu l-maġġoranza kbira ta’ MEPs fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew meta din il-ġimgħa appuntaw lil Roberta Metsola ser ikollu konsegwenzi fuq ix-xenarju Malti. Il-fatt li MEPs tal-EEP għażluha bħala l-kandidat tagħhom ma jfissirx li ser titla’. Biss għandha ċans tajjeb li tkun il-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew. Minn hawnhekk, dan is-sit jawgura lil Roberta Metsola għal din il-kariga prestiġjuża ta’ President tal-Parlament Ewropew.

Biss din l-għażla terġa’ tiftaħ beraħ it-tiġrija għal kap ġdid Nazzjonalista. Wieħed irid jiftakar li Roberta Metsola kienet issemmi għal kap. Biss kien hemm numru ta’ deputati Nazzjonalisti fost il-blue heros li ma rieduhiex. Wieħed irid jiftakar li sena ilu, dawn id-deputati kienu wara l-għażla ta’ Bernard Grech. Dawn kienu warrbu l-offerta ta’ Roberta Metsola li kienet lesta u wriet ix-xewqa tagħha li titlaq kollox u tiġi tmexxi l-Partit Nazzjonalista dejjem jekk it-tesserati jagħżlu lilha.

Dakinhar, anke l-eks-Prim Ministru u eks-Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi kien tefa’ l-piż tiegħu wara Roberta Metsola u wassal l-opinjoni tiegħu li kellha tkun hi l-għażla tagħhom. Imma l-argument ta’ dawk id-deputati, li kienu kontra, kien li din id-darba ma kienux lesti jissograw li jiġri kif kien ġara fl-2017 fejn il-frammentazzjoni fil-kamp ta’ kontra Delia, kien wassal biex rebaħ Delia. B’hekk riedu kandidat wieħed biss li jaffronta lil Adrian Delia. Bl-iskuża li għandhom stħarriġ tal-opinjoni pubblika li jiffavorixxi lil Bernard Grech fost it-tesserati, qaċċtu l-barra lil Metsola u mbuttaw lil Bernard Grech.

Imma fl-EPP mhux hekk irraġunaw. Fl-EPP raw il-potenzjal ta’ Metsola u għażluha bħala l-kandidat tagħhom. Huwa veru li kieku Metsola ġiet f’Malta tmexxi l-Partit Nazzjonalista ma kienx ikollha ċ-ċans għal dan il-post hekk prestiġġjuż għall-pajjiżna u għall-Partit Nazzjonalista, imma kieku saret hi kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia kien jappoġġjaha kif spiċċa jagħmel ma’ Bernard Grech. Wieħed irid ifakkar li Adrian Delia kien qal li jekk hu ma jitlax, jitla’ min jitla’, kien lest li jappoġġjah.

Kieku żgur li l-firdiet fost in-Nazzjonalisti kienu jispiċċaw u l-Partit Nazzjonalista kien ikun f’pożizzjoni li jiġġieled l-elezzjoni ta’ ftit ġimgħat oħra. Wieħed ma jistax jgħid jekk kienx jerbaħ jew le, imma żgur li kien ikunu aħjar fil-polls u d-distakk kien jonqos żgur mhux forsi.

Anki jekk Metsola ma tagħmilhiex għal din il-kariga, għaliex EEP finalment għandhom biss maġġoranza relattiva fil-Parlament Ewropew, din l-għażla kompliet issaħħaħ lil Roberta Metsola fil-kamp Nazzjonalista. Jekk titla’ President, allura hija mhux ser tkun interessata li tmexxi lill-Partit Nazzjonalista. Imma jekk hija ma titlax, allura xorta tkun ħadet l-awra meħtieġa u ma hemmx dubju li tkun il-kap il-ġdid Nazzjonalista wara l-elezzjoni li jmiss.

Leave a Reply