Xi jfisser il-fatt li l-Prim Ministru qed jaqbel ma’ Adrian Delia fuq il-kwistjoni tal-isptarijiet?

Blog post minn osservatur politiku

Il-Prim Ministru qed juri li qed jaqbel ma’ Adrian Delia fuq kif qed iħares lejn il-kuntratt, meqjuż bħala oxxen, tat-tliet sptarijiet. Saħansitra wasal biex qal li l-messaġġ prinċipali li jrid jgħaddi lil Steward Healthcare huwa li dawn għandhom l-obbligazzjonijiet kuntrattwali li jridu jonoraw. Jekk Steward jonqsu li jħarsu dawn l-obbligazzjonijiet il-Gvern lest li jieħu kull azzjoni legali possibbli. Tajjeb li nfakkru lil Prim Ministru, għalkemm persważ li jaf, li hemm nuqqasijiet kbar u dan grazzi wkoll għal dak li ħiereġ fil-qorti mill-kawża li fetaħ Dr Adrian Delia.

Mill-qorti qed insiru nafu li l-maġġoranza tal-obbligazzjonijiet, li suppost kellhom jagħmlu Steward fit-tliet sptarijiet, ma sarux. Mela nagħmlu kuraġġ lil Dr Robert Abela biex imexxi fuq dak li tkellem bieraħ t’lura. Nistgħu ngħidu li għandu żewġ għażliet x’jista’ jagħmel.

L-ewwel jista’ jingħaqad ma’ Dr Delia biex jgħinu jiġġieled il-qorti biex jieħu lura l-isptarijiet u jkunu qed jirregalhom lura lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Infakkar li din kienet proposta li ġa saret fuq dan is-sit fl-imgħoddi. Ma kull seduta li qed ikun hemm fil-kawża tiegħu, Dr Delia qed juri u jakkwista dejjem iżjed provi li Steward, u qabilhom Vitals, naqsu f’ħafna mill-obbligazzjonijiet li huma kellhom imniżżel fuq il-kuntratt oriġinali. Mela jekk jaqbad din l-linja l-Prim Ministru jkun qed isostni dak li ilu jgħid Dr Delia li Steward għandhom nuqqasijiet kbar u allura kull ma jmur qed jidher ċar li l-kuntratt jista’ jitwaqqa’.

It-tieni, jaqbad u jiftaħ il-kawżi neċessarji lil Steward għax dawn la wettqu dmirhom u lanqas ma jidher li se jaslu jagħmlu dak li hu mistenni jew legalment dovut minnhom. Biss, jekk diġa’ hemm kawża l-qorti li diġa’ ħadet snin, għalfejn il-Prim Ministru li issa qed jaħseb u jasal għall-konklużjonijiet li ilu li wasal għalihom Dr Delia, għandu jiftaħ iżjed kawżi meta jaf li dawn jieħdu s-snin u nel frattemp nibqgħu nħallsu l-miljuni kull sena?

Għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi, Dr Abela huwa fid-dmir li, kemm jista’ jkun malajr, jagħmel dak kollu neċessarju biex nieħdu l-isptarijiet tagħna lura u nibdew verament ninvestu fihom biex it-tlieta li huma jilħqu l-livell ta’ state of the art bħalma hu Mater Dei. Jekk il-Prim Ministru qed jasal biex jikkonċedi li Steward naqsu minn dmirhom, allura tajjeb li ngħidu li ma jkunx xieraq li dawk id-69 miljun Euro, ivvutati fil-budget għas-sena d-dieħla, jiġu mħallsa lil dawn in-nies li jidhru b’mod ċar li qed jisirqu lill-poplu.

Hemm bżonn li l-Prim Ministru jieħu deċiżjonijiet drastiċi biex iwaqqaf dan is-serq kollu. Il-Prim Ministru donnu qed jikkonvinċi ruħu iżjed li Dr. Adrian Delia se jirnexxielu jwaqqaf dan il-kuntratt u jieħu lura l-isptarijiet. Dr. Abela kien għadu qatt ma ppronunzja ruħu fuq dan il-livel u allura nistgħu nikkonkludu li qed jaħseb li l-isptarijiet dalwaqt jerġgħu jiġi responsabbilita’ tiegħu bħala Prim Ministru.

Jekk huwa hekk, Dr Abela għandu jagħmel ħiltu kollha biex mingħajr aktar telf ta’ żmien jgħin biex verament l-isptarijiet jerġgħu jsiru tal-Gvern Malti u jwiegħed li dawk il-flus ivvutati li se jmorru għand il-barranin jiġu nvestiti fl-istess sptarijiet ħalli jibda l-proċess tant mistenni u meħtieġ ta’ preparamenti tal-isptarijiet għas-servizz tal-poplu Malti u Għawdxi.

Leave a Reply