Where your opinion counts

Wara dak li ġara matul il-ġimgħa l-oħra, issemma li Adrian Delia għandu jintalab mill-ġdid biex ikun kap tal-Oppożizzjoni

Il-bieraħ, wara l-laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista, Bernard Grech tella’ ritratt biex juri li kollox sew f’dan il-grupp. Imma l-verita’ hija waħda differenti.

F’dawn l-aħħar ġranet smajna diversi dikjarazzjonijiet minn opinjonisti u akkademiċi li ngħaqdu ma’ oħrajn, fosthom sostenituri tal-istess partit, li qed jgħidu li wasal il-mument li Bernard Grech jitlob vot ta’ fiduċja jew addirittura l-Partit Nazzjonalista jibda’ jaħseb fuq kap ġdid għaliex Bernard Grech ma laħaq l-ebda tragward minn dak li forsi kellu f’moħħu, jekk kellu, fil-bidu li poġġa fuq il-pultruna ta’ kap.

Meta taqra fuq id-diviżżjonijiet li hemm fil-grupp parlamentari, tirrealizza li Dr Grech ma rnexxielux jiġbed warajh id-deputati li jiffurmaw dan il-grupp. Tirrealizza li dan hu ritratt meħud biss biex tinħeba l-verita’ u l-qasma li teżisti bħalissa fil-Partit Nazzjonalista. Għall-kuntrarju jidher li l-fazzjonijiet fi ħdan dan il-grupp żdiedu u qed ikun hemm aktar inkwiet minn qatt qabel.

Dan juri li Bernard Grech ma kienx strument ta’ għaqda imma għal kuntrarju kompla żied id-diviżżjonijet li kien hemm qabel ma sar kap hu. Forsi dan kollu huwa riżultat li Bernard Grech tpoġġa f’dik il-pożizzjoni mir-ribelli li kienu aġixxew fi żmien Dr Adrian Delia li ma tistax ma tirreferix għalihom bħala nies diviżivi u b’aġenda personali li għamlet ħsara enormi lill-Partit Nazzjonalista.

Issa meta jkollok grupp ta’ nies li jpoġġuk f’pożizzjoni bħal din, dawn l-istess nies jistgħu jkunu l-persuni li joħdulek it-tapit minn taħt saqajk. Quddiem din is-sitwazzjoni ma tantx hu faċli li wieħed imexxi.

Biss jidher ċar ukoll li Bernard Grech ma kienx għall-altezza tal-impenn li jitlob is-siġġu ta’ kap ta’ partit. Ir-raġunijiet bla dubju huma ħafna u diversi imma tispikka fost kollox li Dr Grech ma rnexxielux jiġbed in-nies importanti tal-partit warajh u kien ta’ diżilluzzjoni għal ħafna li ħadmu biex jitpoġġa hemm.

F’dan il-kuntest, hemm minn issa qed jgħid kemm kien aħjar il-Partit Nazzjonalista fi żmien Adrian Delia u saħansitra hemm min beda anki issemmi li Adrian Delia għandu jerġa’ jintalab biex jiġu lura ħalli jmexxi lill-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni li ġej. Fi kliem ieħor, jkun kap interim biex imbagħad wara l-elezzjoni jkun hemm għażla ta’ kap ġdid.

L-argument huwa wieħed. Qatt ma kien hemm sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista fejn kap ma kellux l-appoġġ tal-grupp parlamentari daqs illum. Kieku llum, il-grupp Parlamentari jmur għand il-President, kieku n-numru jkunu ħafna ikbar ta’ dawk li jgħidu lill-President li ma jridux lil Bernard Grech bħala l-kap tal-Oppożizzjoni milli kien hemm fi żmien Adrian Delia.

B’hekk hemm min qed isostni li Adrian Delia għandu jintalab biex jerġa’ jieħu t-tmexxija tal-partit sal-elezzjoni li ġejja. Fi kliem ieħor, il-Partit Nazzjonalista għandu jaħtaf l-iżball li għamel Robert Abela li ma sejjaħx elezzjoni, jqiegħed mexxej ad interim minn fost il-membri parlamentari li għandu u jmur għall-elezzjoni bih. L-argument ta’ dawn huwa li b’din it-tattika mhux ser tintrebaħ l-elezzjoni imma jitwaqqaf it-tzunami li ser ikun ġej għall-wiċċ dan il-partit matul din l-elezzjoni.

Personalment ma naħsibx li Adrian Delia jaqbel ma din it-tattika u l-anqas irid ikun parti minnha. Infakkar li hu kien l-aktar wieħed li b’mod onest ipprova jkun ta’ sostenn u pont bejn Bernard Grech u r-resistenza interna li l-istess kap qed jaffaċċja ġewwa l-partit tiegħu stess.

One thought on “Wara dak li ġara matul il-ġimgħa l-oħra, issemma li Adrian Delia għandu jintalab mill-ġdid biex ikun kap tal-Oppożizzjoni

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *