Tkompli toħroġ il-verita’ li Yorgen Fenech ma riedx li tkun maqtula Daphne Caruana Galizia
Il-bieraħ, il-Malta Today tatna storja mill-qorti fejn fiha, il-ġurnalista Matthew Agius irrapporta dwar dak li qal Vince Muscat fil-qorti dwar il-pjan li kien hemm, u li hu kien parti minnu, biex tinqatel Daphne Caruana Galizia fl-2015. Dejjem skont ix-xhieda ta’ Vince Muscat, f’dan il-pjan kien hemm imdaħħal l-avukat David Gatt li kien jaħdem ma’ Chris Cardona. Biss dan il-pjan ma seħħx minħabba li ma kienux instabu l-flus biex jitħallsu l-qattiela! Il-kliem eżatt użat mill-ġurnalista kien “minħabba li qatt ma sar ħlas”.

Infakkar li sa ftit ilu, kien qed jingħad li Yorgen Fenech kien involut f’dan il-pjan. Għadni niftakar anki video li ġurnalista prominenti kien tella’ fejn qal li l-mandant, imma ma semmiex ismu, kien beda jipprepara dan il-qtil qabel l-elezzjoni u kellu jieqaf għax Joseph Muscat kien ħabbar l-elezzjoni ġenerali. Imbagħad mar iwettqu wara l-elezzjoni.
Issa dejjem skont Vince Muscat il-Koħħu, u kif rrapportat il-Malta Today, il-fatt li dan il-pjan falla ma kellu xejn x’jaqsam mal-elezzjoni. Fl-2015 l-elezzjoni kienet għadha l-bogħod. Dan il-pjan kellu jitwarrab għaliex min ried joqtol lil Daphne ma tħallasx. Fi kliem ieħor ma kienux instabu l-flus biex jsir dan id-delitt. Mela mhux veru li Yorgen Fenech ried joqtolha. Għax kieku Yorgen Fenech ried joqtolha, ma kellux problema biex isib il-flus! Bħala biljunarju kellu flus biżżejjed biex iħallas, kieku verament hu kien il-mandant, biex Daphne tinqatel 2015!
Fuq kollox, f’din ix-xhieda tal-Koħħu, l-isem ta’ Yorgen Fenech ma jissemmiex. Min-naħa l-oħra, il-gvern kien għad fadallu tliet snin oħra quddiemu anki jekk l-elezzjoni kienet ġie mgħajta sentejn wara. Biss fl-2015, ħadd ma kien għadu bassar li kien ser ikun hemm elezzjoni bikrija!
Dan jikkonferma għal darba oħra li x-xhieda ta’ Melvin Theuma ma hix ta’ min jorbot fuqha. Min-naħa l-oħra, xhieda importanti li wieħed seta’ jorbot fuqha, jiġifieri l-informazzjoni li kien hemm fil-hard disk tal-computer ta’ Daphne Caruana Galizia tħalliet tiġi distrutta mill-istess pulizija u prosekuzzjoni.