Robert Abela spiċċa ħa l-pożizzjoni ta’ Rosianne Cutajar fuq il-Cannabis

Mid-diskors tiegħu fil-Parlament jidher ċar li Robert Abela spiċċa ħa l-pożizzjoni ta’ Rosianne Cutajar fuq l-issue tal-Cannabis. Hu fatt magħruf li meta Rosianne Cutajar kienet titkellem fuq din l-issue kienet tkun imwarrba fil-Partit Laburista. Kienet anki tkun redikolata.

Qed ngħid dan biex nuri li anki fil-Partit Laburista, bħal ma ġara fil-Partit Nazzjonalista, mhux kulħadd kien ta’ l-istess fehma fuq il-cannabis. Ma’ dawk kontra kien hemm l-istess Robert Abela nnifsu li llum qed jiddefendi din il-liġi.

Ħafna fil-Partit Laburista qed jaqraw dan it-tibdil f’Robert Abela ħalli jkun jista’ jidher bħal Joseph Muscat jiġifieri prim ministru li ħa l-linja progressiva.

Dak li hu interessanti huwa l-fatt li l-istess Robert Abela spiċċa jitkellem fil-Parlament bħal Rosianne Cutajar u saħansitra kkoppja id-diskorsi tagħha kelma b’kelma. Ara kif kienet irrapportata Rosianne Cutajar fuq il-Cannabis mill-Malta Today.

Dan hu kif ġie rrapportat il-Prim Ministru fuq din il-kwistjoni. Is-similarita’ hija mpressjonanti. Bħal Rosianne Cutajar, il-Prim Ministru qed jgħid li jrid jagħmel din ir-riforma ħalli l-pulizija tkun aktar ikkonċernata fuq il-kriminalita’.

Biss hawn tinsab id-differenza fejn il-Partit Laburista u dak Nazzjonalista. Robert Abela ma għaġġilx. Żamm ir-riservi għalih innifsu u kien jiddiskutihom internament. Meta ra li fil-grupp tal-Labour kien hemm aktar favur milli kontra, mar fuq il-linja ta’ dak il-grupp li kien fil-maġġoranza. Hawn hija d-differenza fil-PN. Fil-PN kien hemm ħafna kontra imma l-kap ried b’saħħa kbira li tgħaddi tiegħu, anki jekk kien fil-grupp minoritarju u beda jitkellem favuriha anki fil-pubbliku. B’hekk Bernard Grech ħa falza stikka u spiċċa jibla’ kliemu.

Jien ma naqbilx ma din il-liġi u l-PN kellu ħafna fejn jattakkaha. Ejja ngħiduha kif inhi. Ħadd mhu qed jitressaq quddiem il-qorti għax pejjep joint. Din il-liġi qed tagħmel it-traffikar tal-cannabis xi ħaġa legali. Din il-liġi qed tippermetti li persuna jista’ jkollha fuqha sa 28 gramma cannabis. Din mhix liġi għal min ipejjep il-ħaxixa imma għal min jittraffikaha. Jekk persuna jkollha seba’ grammi ta’ ħaxixa, din għandha isservih ġimgħa! Infatti, dawk li jabbuża jew jagħmlu użu mill-ħaxixa, normalment jixtru 7 grammi fix-xahar.

Fuq kollox jekk persuna tinqabad b’aktar minn 28 gramma ta’ ħaxixa, il-piena li teħel hija miżera ta’ ftit euros. L-ispetturi tal-pulizija mhux ser jibqagħlhom interess iressqu persuni l-qorti fuq possess u traffikar ta’ cannabis. B’hekk kontra dak li qal l-Prim Ministru, din il-liġi ser iżżid il-kriminalita’ u mhux tnaqqasha. Wisq nibża li l-mudell li addottajna jew ser naddottaw hu dak Olandiż. Illum iċ-ċentru ta’ Amsterdam fl-Olanda sar out of bounds minħabba liġi bħal din. Kont nippreferi li kieku addottajna l-mudell Swizzeru. Għall-inqas, għal darba konna nkun verament Swizzera fil-Mediterran!

Is-suspett tiegħi li din il-liġi ma tressiqtx fil-parlament fl-interess ta’ min ipejjep il-ħaxixa. Din tressqet fl-interess ta’ dawk li jridu li f’Malta jkun hawn industrija tat-tkabbir tal-ħaxixa għal skop mediċinali u mhux. Biss is-suq tagħna hu żgħir għal din l-industrija. B’hekk qed tinbidel il-liġi biex jkun jista’ jitkabbar is-suq u dawn il-kumpaniji jkunu mħajra jiġu lejn pajjiżna.

Leave a Reply