Qed iċaqċaq vot ta’ sfiduċja kontra Bernard Grech: għandu jkun evitat

Blog post minn osservatur politiku

Kemm kien żball kbir li r-rapport tat-telfa tal-2013 ma ġiex mogħti l-importanza li kien jixraqlu. Kemm kienet deċiżżjoni ħażina li r-rapport tpoġġa fuq xkaffa jiġbor it-trab minn Simon Busuttil u sħabu u lanqas biss qraw dak li nkiteb minn esperti fil-qasam. Kemm kien żball agħar li ma jngħatax importanza lis-suġġerimenti magħmula dak in-nhar.

Dak ir-rapport kien qal fost ħafna affarijiet oħra li l-arroganza kienet ħakmet lill-Partit Nazzjonalista qabel l-2013 kienet waħda mir-raġunijiet li telfet il-Gvern lill-Partit Nazzjonalista. Il-Gvern ta’ dak iż-żmien beda jara lill-elettorat dubbien u ħaseb li allavolja tant kien xammar imnieħru, l-votant kien se jinsa dak li kien għamel u jerġa’ jagħti l-vot lil dik l-istess klikka li kienet dardret l-ilma kollu li riedet tixrob minnu.

Tant hu hekk li t-telfa tal-2013 kienet waħda storika. Dawk tal-qalba stess fil-Partit Nazzjonalista, li sena ilu ġew konvinti bin-neċessita’ li jitwarrab il-kap dak in-nhar wara tliet snin fit-tmexxija, qed jindunaw xi żball kien li fdaw lill-istess klikka li tat lill-Partit Nazzjonalista żewġ telfiet elettorali kbar u storiċi.

Dawn li ppriedkaw u kkonvinċew li l-ħażin fil-partit kien biss il-Kap, issa li anke huma qed jirrealizzaw li kienu żbaljati għal kollox. Ma tridx tkun għaref biex tirrealizza li politika b’mentalità simili ta’ dik ta’ tmien snin ilu li ġejja minn persuni li ilhom mwaħħla mal-poter fil-partit minn dak in-nhar, tista’ qatt ittejjeb jew tinbidel f’politika differenti u ta’ ġid għall-poplu kollu.

Għalhekk, ħafna qed jabbandunaw il-vapur Nazzjonalista u jħallu lil dawk, li jedhew u jieħdu pjaċir jisimgħu l-istess stil ta’ politika mġenġla li ħakmet lill-partit bejn l-2008 u l-2013.

U issa wara li qattgħu il-karti ta’ bejniethom fil-pubbliku, l-inkwiet fil-partit kompla jiżdied. L-aħħar problema tal-cannabis hi biss tgħaffiġa waħda minn ħafna, li qed tankra lill-Partit Nazzjonalista fil-problemi dejjem jikbru.

Il-kap preżenti qiegħed f’baħar imqalleb għax l-istess klikka li poġġietu qed tkissru. Hu qed jagħti daqqa t’id. Qed jilgħab aktar f’idejn dawn li mingħalihom li l-Partit Nazzjonalista huwa tagħhom bi dritt divin. Qed iħallihom jimponu fuqu u qed jiġru bih f’kull pożizzjoni li tintalab mill-Partit.

Tidher ċara li stoffa fit-tmexxija ma hemmx. Ma kienx hemm dik il-kapaċita li jiġi mifhum kemm hemm imħuħ diversi fi ħdan il-grupp parlamentari u wieħed jipprova jsib tragward li jaqbel miegħu kulħadd. Bernard Grech ħa d-deċiżżjoni li jieħu linja konfrontali u mgħaġġla li ma twassal għal imkien u għal ebda għaqda. Anżi bid-deċiżżjonijiet tiegħu, Dr Grech kompla wera ma kulħadd li l-istil ta’ tmexxija tiegħu ma għadux ideali għal dawk stess li poġġuh hemm. Issa l-ftira saret. Ilha tinħema minn l-għada li tpoġġa fis-siġġu tal-poter. Dak li offra ma kienx għall-altezza u ma ntgħoġobx mill-klikka. Huwa ċar li wasal iż-żmien li tittieħed deċiżżjoni u donnu hemm iċ-ċaqċieqa li jitressaq vot ta’ sfiduċja fil-Kap tal-Partit stess. Kif jidhru l-affarijiet dan ma jkunx vot pjaċevoli għal Dr Grech għax dawk kollha li kienu warajh sena ilu issa dahru kontrih.

Nemmen bis-sħiħ li għandu jkun evitat.

Leave a Reply