Il-lejla ser jiltaqa’ l-grupp parlamentari Nazzjonalista

Bernard Grech jgħajjat laqgħa tal-grupp parlamentari għal-lejla fis-7 pm. Tgħid se nerġgħu naraw nuqqas ta’ parteċipazzjoni minn ċertu deputati li kienu nieqsa l-aħħar laqgħa tal-grupp? Tgħid se jagħmlu l-kuraġġ u ma jabbandunawx lill-kap tagħhom wara li daħħluh fil-ħajt fuq il-kwistjoni cannabis? Tgħid Ryan Callus u Claudette Pace ser ikunu hemm jiddiskutu ma’ sħabhom? Hemm x’hemm fuq l-aġenda tal-lejla, Bernard Grech irid jaħdem ħafna u jara kif se jagħmel biex forsi jġib ftit għaqda fil-grupp tiegħu wara dawk il-battibekki kollha li kellu fl-aħħar darba li ltaqa’ dan il-grupp.

Bernard Grech irid jara kif se jterraq ma’ dan il-grupp forsi ma jibqgħux jintbagħtu iżjed messaġġi diviżivi, issa li qiegħdin lejlet elezzjoni ġenerali. Nispera li sa issa tgħallem mill-iżbalji kbar li għamel f’dawn l-aħħar ġimgħat. Nispera li qed jirrejaliżża li l-grupp parlamentari mhux magħmul minn deputati li lesti jbaxxu rashom għad-deċiżżjonijiet li jieħu hu mal-ġenerali ta’ madwaru.

Nispera li ma jibqax iwebbes rasu li jmur quddiem il-grupp b’fait accompli għax hemm bżonn jirrealizza darba għal dejjem li dawn m’humiex nagħaġ ta’ Bendu imma huma nies li jafu jaħsbu u li ma joqgħodux għal kollox. Nistennew u naraw. Ma għandiex dubju li ser inkunu nafu kif ser imur il-lejla wara d-diżastru tal-aħħar laqgħa.

Dan is-sit jista’ jiżvela li ntbagħtetx aġenda. Biss minn sorsi infurmati, id-diskussjoni tal-lejla ser tkun għal darba oħra dwar il-liġi tal-cannabis. Claudio Grech ġa pprepara t-triq. Fid-diskors tiegħu fil-parlament, tkellem dwar il-bżonn ta’ emendi. Dawn l-emendi qatt ma ġew diskussi fil-grupp parlamentari għaliex il-pożizzjoni finali tal-grupp kienet kontra din il-liġi.

Bernard Grech qiegħed issa jipprova jgħaddi mit-tieqa flok mill-bieb bill jippreżenta l-emendi wara li diġa’ ġew imsemmija fil-parlament. Qisha qed issir logħba ta’ kif tipprova tintgħoġob maż-żewġ naħat biex ikollok sieq ‘l hawn u sieq ‘l hemm.

Jekk mhux se jkun preċiż mal-elettorat (u ma joqgħodx jilgħab bil-pożizzjoni tiegħu) jista’ saħansitra jiġġieled mal-core group tal-partit tiegħu stess. Finalment, din hija liġi li ser ikollha konsegwenzi serji u ser ikunu n-nies infushom, wara li jarawha taħdem, li jitolbu biex tkun emendata jew tittneħħa għal kollox.

Leave a Reply