Waqt li jitkellem kontra l-evazzjoni tat-taxxi, il-Ministru tal-Finanzi għamel miżura li tiffavorixxi lil min evada t-taxxi

Il-gazzetta Illum tatna informazzjoni li f’pajjiżna daħħlet kultura ta’ evażjoni li se ttellef lil Malta minn flejjes kbar fi dħul minn VAT, taxxa u bolla. Hawn qed jissemmew biljuni ta’ euro li għad iridu jitħallsu lill-iStat. Dawn huma aħbarijiet li jweġġgħu lil dawk kollha li minn dejjem ħallsu sal-anqas ċenteżmu dovut lill-Gvern tal-ġurnata.

Meta mistoqsi Clyde Caruana, il-Ministru tal-Finanzi, dwar dan in-nuqqas, il-Ministru qal li hemm ħafna minn dawn l-ammonti dovuti li ma fadalx iċ-ċans li jinġabru minħabba diversi raġunijiet. Fosthom hemm dawk li l-kumpaniji li fallew u diversi mwiet.

Il-Ministru qal li dan l-akkumulu huwa ta’ snin sħaħ u jikxef kultura rampanti ta’ evażjoni tat-taxxa, hekk kif il-€5 biljuni jinkludu miljuni kbar minn negozji u kumpaniji imma anke arretrati ta’ taxxa minn individwi.

Biss imbagħad kellna miżura tal-Baġit li tippermetti negozji b’arretrati tat-taxxa li kellhom jitħallsu f’Jannar 2021, ma jħallsux dawn l-arretrati. Il-miżura qed tispeċifika li jekk persuna (jew kumpanija) xtrat proprjetà qabel Marzu 2021, it-taxxa li ħallset fuq dik il-proprjetà tiġi meqjusa daqs li kieku ħlas tat-taxxa/VAT/ bolla dovuta lill-iStat.

Fl-opinjoni ta’ ħafna din hija miżura inġusta għaliex tiffavorixxi jew tagħti għajnuna lil min ma ħallasx taxxa. Din hija miżura li tidher inġusta ħafna lejn dawk kollha li jżommu ma dmirhom li jagħti lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri.

Mela min dejjem ħallas it-taxxa dovuta jkun qed jiġi trattat b’inġustizzja meta kkomperat ma’ min b’xi mod jew ieħor evada t-taxxa. Ebda raġuni u ebda miżura ma tagħmel sens f’dan ir-rigward. Dawn it-tip ta’ miżuri jitfgħu dell ikrah fuq minn joħroġ bihom għaliex jiffavorixxi lil min suppost għandu jkun kkastigat. Kien għalhekk li anke l-Kamra tal-Kummerċ iddeskriviet din il-miżura bħala nġusta bħal kull miżura oħra li tiffavorixxi jew tgħin lil min ma ħallasx taxxa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *