L-għażla tat-tesserati fil-Partit Nazzjonalista

Minn osservatur politiku

Il-bieraħ, dan il-blog ippubblika storja dwar l-għajdut li qed nisimgħu fl-Partit Nazzjonalista dwar il-bżonn li l-Partit Nazzjonalista jersaq għall-elezzjoni ta’ Kap differenti milli hemm illum. Dan sar iktar emfasizzat wara tliet disfatti kbar li sofra Dr Bernard Grech matul il-ġimgħa li għaddiet. Is-surveys kienu akkumpanjati minn straġi strateġika dwar l-abort u l-kannabis. Dawn tefgħu f’dubju serju l-validita’ ta’ Bernard Grech bħala kap tal-partit.

Illum hemm ħafna kunsilliera li qed iħarsu lura b’dispjaċir għal kif il-vot tagħhom fl-2017 ġie stmat minn grupp ta’ deputati li għamlu gwerra lill-kap tagħhom. Illum nafu li l-Partit Nazzjonalista reġa’ tpoġġa f’xifer l-irdum. Il-kunsilliera qed jerġgħu jiftakru dak il-perjodu ta’ kampanja elettorali tal-2020 meta għamlu għażla ċara u demokratika oħra. Imma issa qed jgħidu kemm konna aħjar meta pinġewlna sitwazzjoni biex jikkonvinċuna li konna agħar.

Fl-2017 l-għażla kienet mill-kunsilliera u mit-tesserati għall-ewwel darba u mhux ta’ dawk li ħaduha qatta’ bla ħabel kontra l-kap magħżul b’mod tant miftuħ u trasparenti. Dr Delia ġie elett minn fost erba’ kandidati li tefgħu isimhom fit-tellieqa. Kien vot ċar u b’saħħtu u ħadd ma immaġina li klikka ta’ ribelli mmexxija minn ex-kap tal-partit stess se jagħmlu l-ħajja tal-kap tagħhom impossibbli biex imexxi.

Infakkar li fl-2017, il-kunsilliera eleġġew l-uniku kandidat li kien ġej minn barra l-partit għax indunaw u fehmu li xi ħadd minn ġewwa kien ser ikun kontinwazzjoni tal-istrateġija żbaljata li kien adotta Simon Busuttil. Meta diversi nies, speċjalment deputati, li ma jaċċettawx għażla demokratika ta’ eluf ta’ tesserati, dan ikun sinjal ta’ inkwiet kbir u ta’ tkissir enormi. Hekk ġara u hekk għadu jiġri.

Dik l-għażla tat-tesserati ġiet miġġielda minn ħafna qlajjiet min-nies li suppost jafu aħjar, min-nies li ġew fdati bil-voti tal-elettorat Nazzjonalist, min-nies li ġew rispettati permezz tal-vot tas-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista. Dawn ċaħdu lil ta’ ġewwa u qarrqu bihom. Dawn attakkaw l-għażla tas-sidien tal-Partit Nazzjonalista, it-tesserati. Dawn qalgħu minn żniedhom mingħajr qatt ma ġabu xi tip ta’ provi ta’ kliemhom. Dawn tant ġidbu li fl-aħħar kellhom jammettu l-gideb li sparlaw huma stess.

Ebda tesserat ta’ veru ma hu ser jinsa dawk it-tliet snin ta’ ħidma kontra l-kap Adrian Delia. Bla mistħija ta’ xejn, irnexxielhom jikkonvinċu lil ħafna kunsilliera biex jitolbu elezzjoni oħra ta’ kap. Biex jikkontestaw lil Dr Delia kellhom isibu kandidat ġdid. Kemm ġew mitmugħa ħreffef dwar Dr Delia. Imma dawk il-qlajjiet għamlu xogħolhom sewwa. Dak il-gideb niżel fil-fond tat-tesserati u belgħu l-lixka. Dak it-tajn kollu, li wara kellu jiġi rtirat, ħadem tajjeb fuq il-ħsieb tat-tesserati li fil-maġġoranza tagħhom tefgħu l-vot fuq barrani ieħor li ma kellu ebda esperjenza politika.

Kemm hu sewwa li taqla’ daqstant inkwiet imbagħad ma jinstab ħadd mir-ribelli biex jiġġieled kontra l-kap sedenti għal post ta’ kap ġdid. Jien kunsillier li għaddejt minn dik l-istraġi ftit iktar minn sena ilu. Kien hemm minoranza li ħassietha traduta minn dak il-vot u minn dawk id-diċeriji kollha fuq l-ex-kap tal-Partit Nazzjonalista. Ħassejna li dak kien tradiment fuq vot demokratiku. Dak in-nhar konna f’minoranza, imma llum għadna ‘l ftit jew l-istorja inqalbet?

Grazzi ta’ dak il-ġakbiniżmu, il-Partit Nazzjonalista mar minn taħt. F’din l-aħħar sena tilef ħafna appoġġ, ma baqax jiġi fdat minn ħafna. Ħafna deputati ġew ittimbrati bħala giddieba, ħafna mid-deputati tilfu ħafna rispett tal-elettorat Nazzjonalista. Imma aħna li konna f’minoranza sena ilu, bqajna Nazzjonalisti. Aħna rridu l-bidla, imma l-bidla fl-uċuh fil-partit. Aħna ma aħniex se ninsew minn dak kollu li għaddejna grazzi għar-ribelli.

Issa jmiss lilna li nitkellmu. Nitkellmu mingħajr ma niftħu ħalqna. Nitkellmu bil-lapes f’idejna fil-mument tal-prova. Aħna n-Nazzjonalisti veri rridu li din il-klikka tisparixxi għax għamlet ħafna iżjed ħsara milli nistgħu nimmaġinaw. Inutli jgħidulna issa, li għamlu għażla ħażina u li neħħew lill-Kap ta’ qabel kien żball kbir. Issa huma għaffġu imma aħna se naħdmu b’moħħna u nisbarazzaw mill-Partit Nazzjonalista uċuh li ma jistħoqqilhomx ikunu r-rappreżentanti tagħna fl-għola istituzzjoni tal-pajjiż.

Leave a Reply