Għoxrin sena ta’ Malta Today

Blog post minn osservatur politiku

Fil-Malta Today tal-Ħadd, Saviour Balzon tana artiklu ‘Two decades and counting, we still chase the story’. F’dan l-artiklu ta’ din il-ġimgħa Balzan jiċċelebra, u bir-raġun, 20 sena minn meta twaqqfet din il-gazzetta. Biss minn dan l-artiklu tirrealizza kemm dan il-bniedem qatt ma kien maqtugħ biex ikun politiku.

Dan ma jfissierx li mhux ġurnalist tajjeb u li ma kienx kapaċi jibni dar ta’ publikazzjoni li tat kontribut kif ukoll offriet sfida qawwija lill-establishment tat-Times. Imma fl-artiklu tiegħu Balzan jammetti li fejn jidħlu l-għażliet għal min għandu jmexxi Malta, hu dejjem ħa falza stikka.

Jammetti li kien żbaljat meta ħadem biex jitla’ John Dalli Prim Ministru u Kap Nazzjonalista. Jammetti ukoll li kien żbaljat li appoġġja u għin lil Joseph Muscat. Issa biex tgħaxxaqha fi żmien Adrian Delia, Saviour Balzan ma qatax qalbu u pprova jerġa’ jiddeffes fil-politika u ħareg jipproponi lil Claudio Grech bħala Kap minflok Delia. Kumbinazzjoni il-bierah ukoll il-MaltaToday qaltilna li Claudio Grech hu l-iżjed Membru tal-Parlament sinjurun fil-Parlament bħalissa u li għandu flus imwarrba li jammontaw għal €800,000. Dan minbarra assi oħra, kif ukoll minbarra dak li wirtet martu.

Jiġifieri għal darb’oħra, Saviour Balzan reġa nġibed lejn il-flus, minflok ma ra min veru jista’ jkun ta servizz għall-partit u għall-pajjiz. L-attakki ta’ Balzan kontra Lawrence Gonzi, Simon Busuttil u Adrian Delia kollha juru ‘l fejn tiġbed il-qalb ta’ wieħed li skont Keith Schembri kien imur jittallab għall-kuntratti tal-gvern.

Skont Shift News, Saviour Balzan hu fost l-iżjed ġurnalist li għandu direct orders għal xogħol ta’ PR. U jekk inħarsu lejn il-Public Broadcasting Services naraw li Balzan hu l-uniku ġurnalist bi programm ta’ ġrajjiet kurrenti li ġej minn barra l-Public Broadcasting Services. Bilfors li jafdawh b’għajnejhom magħluqa biex ħallew lilu biss hux!

Issa jidher li Saviour Balzan beda jitgħallem ftit id-differenza bejn aħbarijiet u propaganda għax qalilna li wasal iż-żmien li gurnalisti bravi bħal Matthew Vella u James Debono jieħdu over.

Nistennew bil-ħeġġa u naraw.

https://www.maltatoday.com.mt/comment/blogs/113380/two_decades_and_counting_we_still_chase_the_story?fbclid=IwAR2d98Kkux_kgHNpTS81seCj0h-6qCU9RwwyaetwHF-rraUsexQ60VgJdH4#.YZu7bNDMJPY

Leave a Reply