Għal Fr. Joe Borg il-korruzzjoni hija aktar gravi mill-abort!
Ma stennejtx li se naqra dikjarazzjoni minn qassis fejn qalilna li l-akbar problema li qed jiffaċċja pajjiżna hija l-korruzzjoni u mhux l-abort. Ma stennejt qatt li qassis ipoġġi l-korruzzjoni qabel l-abort. Li kieku din l-istqarrija kienet ġejja minn lajk kont naċċettaha, imma li qassis jasal biex jagħmel dikjarazzjoni bħal din turi f’liema stat tinsab l-knisja Maltija. Qassis hu persuna li jrid jitkellem fuq il-maġisteru tal-Knisja Kattolika. Biss li tgħid li l-korruzzjoni hija problema akbar mill-abort, ma tantx tinżilli malajr.
Fr Joe Borg qal dan fl-artiklu tiegħu ta’ kull nhar ta’ Ħadd fuq is-Sunday Times. Hu qalilna li hu kontra li l-abort jiġi legalizzat u jemmen li kull mezz demokratiku għandu jintuża biex ma nħallux dan isir ġewwa pajjiżna. Kompla jgħid li l-grupp pro-life jista’ jirnexxielu iżomm il-bogħod l-abort minn pajjiżna jekk jibbaża l-kampanja tiegħu fuq opinjonijiet studjati u d-djalogu. L-importanti li ħadd ma juża tattiċi ta’ twerwier għax ikunu kontra produċenti.
Dan li ġej hawn taħt għandu jkun raġunament ta’ persuna fis-soċjeta’ li ma tilbisx is-suttana u mhux minn raġel li hu obligat li jgħallem il-vanġelu ta’ Kristu. Fr. Joe, bħala qassis, qed jipprova jikkonvinċina li dan qed jgħidu għax il-korruzzjoni hija l-aktar ħaġa moralment offensiva għall-ġid komuni. Fuq dan naqblu. Fr Joe saħanistra spiċċa jikkwota lill-Papa Franġisku biex jipprova jikkonvinċina. Il-problema tinsab fil-fatt li l-Papa Franġisku qatt ma għamel paragun bejn l-abort u l-korruzzjoni. Jekk il-korruzzjoni hija ħażina (u dan il-papa jqiesha bħala ħażina) ma jfissirx li din tiġi qabel jew hija aktar importanti mill-qtil tat-trabi permezz tal-abort.
Ma tista’ qatt tħallat waħda mal-oħra kif qed jipprova jagħmel Fr Joe. Jekk irid jitwemmen qassis ma jistax iħallat u jiddevja l-argument. Qassis fi dmir li jiddikjara mingħajr tlaqliq li l-abort huwa qtil u għandu jiġi kkundannat mingħajr kundizzjoni u mingħajr paragun ma’ xi ħaġa oħra, hi x’inhi. Inkella hu ta’ skandlu. Inutli li Fr Joe joqgħod jelenka l-ħażin li jirriżulta mill-korruzzjoni. Il-verita’ hija li Fr. Joe Borg għamel dan l-argument biex jipprova jsalva lil Bernard Grech u l-kandidati abortisti li għandu. Infakkar li meta dan kien imexxi l-media ta’ knisja użaha biex jimbotta l-aġenda ta’ Bernard Grech li finalment kienet waħda maħsuba biex twarrab lill-kattoliċi mill-Partit Nazzjonalista u tagħti spazju lill-kandidati abortisti tiegħu.
Għall-kattoliku veru, xejn ma hu se jikkonvinċina li l-korruzzjoni toffri iżjed ħażen mill-abort, għax mhux il-każ. Dawn huma suġġetti li ma għandhomx jitfixklu ma’ xulxin. Id-diskors fuq l-abort minn qassis għandu jkun ċar u mingħajr ma nħalltuh ma’ xi ħaġa oħra jew nippruvaw inservu ta’ forċina għaliex l-ewwel li jinteressana hu l-politika ta’ grupp ta’ nies li kissru partit u dan l-interess jiġi qabel il-maġisteru ta’ l-istess knisja kattolika.

Kliem ta Xitan.