L-Ombudsman jaħrab milli jwieġeb dwar l-investigazzjonijiet li “fetaħ minn rajh” fuq is-Sur Alex Dalli
Fil-jiem li għaddew kellna l-istorja fil-media fejn intqal li l-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud beda jinvestiga minn rajh dwar is-sitwazzjoni ġewwa l-ħabs ta’ Kordin. Dan beda din l-investigazzjoni wara l-mewt ta’ Arun Jose fil-ħabs u l-awto-sospensjoni tas-Sur Alex Dalli minn direttur tal-faċilitajiet korrettivi ta’ Kordin.
F’dan il-kuntest, jiena għamilt numru ta’ mistoqsijiet lill-Ombudsman. L-ewwel mistoqsija li staqsejtu kienet “kemm-il darba inti ħadt inizjattiva biex tinvestiga minn rajk każijiet ta’ malamministrazzjoni jew abbuż?”
L-Ombudsman Mifsud minflok wieġeb il-mistoqsija ta’ kemm-il darba huwa ħa inizjattiva minn rajh biex jinvestiga, weġibni b’mod ġeneriku kif ġej:
“L-Artiklu 13(2) tal-Att dwar l-Ombudsman jagħti l-poter lill-Ombudsman li jibda investigazzjoni minn rajh. Dan il-poter jgħodd ukoll għall-Kummissarji għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Sa mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-1995 saru numru sostanzjali ta’ investigazzjonijiet mibdija fuq inizjattiva tal-Ombudsman jew l-Kummissarji tant li mis-sena 2000 sal-lum saru ‘l fuq minn 80.”
Nixtieq infakkar li jien ma staqsejtux jekk dak li qed jagħmel hux permess mil-liġi jew le. Dażgur li hu permess mil-liġi u fuq dan ma għandix dubju. Imma jien staqsejtu kemm-il darba huwa ħa inizjattiva min rajh biex jinvestiga. Din il-mistoqsija ma weġibhiex. Minflok qalli li mill-2000 sal-lum kien hemm ‘l fuq minn 80 investigazzjoni mibdija fuq l-inizjattiva tal-Ombudsman. Dan ifisser li b’mod medju kien hemm erba’ investigazzjoni li l-Ombudsman beda minn rajh. F’dan il-kuntest xtaq inkun naf eżattament ta’ kif tqassmu dwan l-investigazzjonijiet. Dan għaliex irid jingħad li s-Sur Mifsud milux Ombudsman mis-sena 2000. Hu leħaq fl-2016.
Minħabba f’hekk jien staqsejtu biex jagħtini break down ta’ kif dawn il-każijiet li fihom l-Ombudsman beda jinvestiga minn rajh jinqasmu matul is-snin. Jien tlabtu biex jgħidli kemm kien hemm qabel l-2013, jiġifieri bejn 2000-2013, kemm il-każ l-Ombudsman beda minn rajh bejn 2013 u 2017 u kemm kien hemm wara l-2017. Nerġa’ nfakkar li s-Sur Mifsud leħaq fl-2016. Dan ifisser li żgur ma għandux diffikulta’ biex jiġbor l-istatistika ta’ kemm il-każ hu fetaħ minn rajh wara l-2017. Sal-lum bqajt bla tweġiba.
Wieħed jista’ jikkonkludi waħdu kemm l-inizjattiva ta’ investigazzjoni beda s-Sur Mifsud minn rajh u jekk din kienetx l-ewwel waħda jew le mit-tweġibiet tiegħu.
Il-mistoqsijiet tiegħi ma waqfux hawn. Jien staqsejtu wkoll jekk hux “veru li l-psikjatra (u hawn tajtu kunjomu), li ġie mkeċċi mill-ħabs, talbek biex tinvestiga lil Dalli? Staqsejtu wkoll jekk hux veru li jeżisti rapport fil-konfront tal-psikjatra (u tajtu kunjomu) miktub minn pruġunier u jekk hu jafx bih dan ir-rapport?”
Għal dawn il-mistoqsijiet, l-ombudsman qalli u hawn ser nikkwotah”
“L-investigazzjonijiet li jagħmlu l-Ombudsman u l-Kummissarji huma kunfidenzjali u ma tista’ tingħata ebda informazzjoni dwar ilmenti li jkunu qed jinvestigaw. B’risposta għall-mistoqsijiet (b), (ċ) u (d) nirreferik allura għall-Artiklu 21 tal-Att dwar l-Ombudsman (Kap.385).”
Jien ma għandix dubju li l-investigazzjoni tal-Ombudsman huma kunfidenzjali u l-anqas irid nikser din il-kunfidenzjalita’. Biss hawn qed nistaqsi jekk hux veru din l-inizjattiva ġiet minn rajh kif intqal jew bdiet għax kien hemm rapporti fil-media jew b’mod ieħor.
Min-naħa tiegħi, ma naħsibx li l-uffiċju tal-Ombudsman kien qed jikser konfidenzjalita’ kieku qal eżattament kemm il-preżenti ombudsman beda investigazzjonijiet minn rajh jew le. Dak li nista’ ngħid li jien ġejt mogħti tweġibiet ġeneriċi. Dawn iwasslu għal aktar mistoqsijiet milli jagħtu tweġibiet.
Nispera li jekk l-Ombudsman ser jibda jiltaqa’ mal-priġunieri f’din l-investigazzjoni li ser ikun qed jagħmel, jgħajjat ukoll biex jixhed Yorgen Fenech, ħa jara u jisma’ l-verżjoni tiegħu tal-fatti. Infakkar li Yorgen Fenech kien b’mod indirett f’din l-istorja minħabba li skont Karl Azzopardi, il-priġunieri ta’ fejn hu qed jinżamm irrifjutaw li jiffirmaw il-petizzjoni biex il-Kurunell Dalli jinġib lura.
Qed ngħid dan għaliex f’kull investigazzjoni pubblika li kien hemm s’issa, Yorgen Fenech, qatt ma ngħajjat biex jixhed. Il-verita’ hija li lil Yorgen Fenech ħadd ma jrid jgħajjatlu biex jitla’ jixhed. La għajtulu t-tliet imħallfin allavolja tkellmu dwaru. La għajjatlu George Hyzler allavolja investiga dwaru u la għajjatlu l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament allavolja suppost qed jinvestiga l-korruzzjoni li għamel Yorgen Fenech. Id-deputat avukat ġenerali Philip Galea Farrugia l-anqas ix-xhieda li ġab jixhdu kontra tiegħu fil-kompilazzjoni ma għajjat biex jkunu suġġetti għall-kontro-eżami tad-difiża!
Fil-verita’ ħadd ma jazzarda jgħajjatlu, la naħa u l-anqas oħra biex jixhed jew jagħti l-verżjoni tiegħu tal-fatti. Allura mhux ovvju għalfejn? B’hekk qed ngħid u nistenna li jekk l-ombudsman jibgħat jew jistaqsi lill-ħabsin biex jitkellmu dwar il-ħabs, għandu jkun fost dawk li huwa jgħajjat biex jisma’ l-verżjoni tiegħu.