Kien Keith Schembri jew membri tas-Servizz Sigriet li qalu lil The Times li Yorgen Fenech kien ser jaħrab?

Fil-jiem li għaddew kellna lil Mark Camilleri li kompla bil-pubblikazzjoni taċ-chats li suppost hemm divjit fuqhom li jkunu ppubblikati. Anki jekk din id-darba, il-pubblikazzjonijiet tagħhom, ma tantx ingħatat importanza, dawn il-pubblikazzjoni komplew joħorġu fil-beraħ il-ħadma li nħadem Yorgen Fenech bl-għajnuna tal-media. Fost l-affarijiet li vvintat il-media kienet dik il-famuża ħarba ta’ Yorgen Fenech minn Malta u l-mod spettakulari kif il-pulizija suppost qabduh waqt li hu kien qiegħed jaħrab.

Tiftakru x’kienet irrappurtat dan in-nhar The Times meta suppost Yorgen Fenech kien qed jaħrab? Kienet qaltilna li wieħed mill-ġurnalisti tagħha, eżattament Jacob Borg, inzerta filgħodu kmieni qiegħed Portomaso u b’kumbinazzjoni ra lil Yorgen Fenech ħiereġ u qabdu jaħrab! Eventwalment din l-istorja ukoll kienet spiċċat f’kontroversja u kien hemm min beda jistaqsi kemm il-preżenza ta’ dan il-ġurnalista kienet waħda aċċidentali jew le.

Issa Mark Camilleri ippubblikalna l-konverżazzjoni li saret bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri fil-jum ta’ qabel din is-suppost ħarba ta’ Yorgen Fenech. U x’insiru nafu minn din il-konverżazzjoni? Li Yorgen Fenech qal lil Keith Schembri li kien ġa hemm il-ġurnalisti qed jgħassulu lejlet li kellu jitlaq.

Mela l-ġurnalista ta’ The Times ma kienx fuq il-post b’kumbinazzjoni kif kien kiteb Jacob Borg. Il-ġurnalisti ġa kienu hemm għall-inqas fil-jum ta’ qabel. Yorgen Fenech stess kien rahom u qal lil Keith Schembri dwarhom.

Mela Yorgen Fenech ma kellux ħsieb biex jaħrab. Kif għidt f’artiklu separat, meta Yorgen Fenech qal lil Keith Schembri jekk kellux jitlaq minn Malta mhux bil-fors kien qed jitkellem fuq il-ħarba imma jekk kellux jibqa’ hawn fil-każ li l-pulizija riedet tarrestah. Grazzi għal Mark Camilleri insiru nafu dettall ieħor interessanti. Insiru nafu li Keith Schembri ma rrispondihx. Għalfejn?

F’dan il-kuntest wieħed jeħtieġ jistaqsi min qal lill-ġurnalist jew ġurnalisti biex ikunu Portomaso, dejjem on alert anki fil-jum ta’ qabel dik li suppost kellha tkun ħarba ta’ Yorgen Fenech? Hawn wieħed jistaqsi jekk kienx Keith Schembri innifsu li kien qiegħed jgħaddi informazzjoni lil The Times? Kien għalhekk li t-telefon ċellurali tiegħu qatt ma nstab? Jew kienux membri tas-Servizz Sigriet li kienu involuti f’dan kollu? Fuq kollox, huma ħarġu bit-teorema li Yorgen Fenech ried jaħrab minn Malta.

Veru li meta filgħodu kien ser jitlaq Yorgen Fenech biex jieħu l-yacht għat-tiswija fi Sqallija, ċempillu Keith Schembri u żammu fuq it-telefon? Hawn qed nitkellmu kmieni filgħodu ħafna.

Hemm relazzjoni bejn din it-telefonata li saret filgħodu kmieni ħafna u l-fatt tal-wasla ta’ Jacob Borg b’kumbinazzjoni f’Portomaso? Jiġifieri kieku Keith Schembri ma ċempilx u ma żammx lil Yorgen Fenech fuq it-telefon, iċ-ċans kien li Jacob Borg kien jasal Portomaso tard u ma kien ikun ra xejn u b’hekk ma kienetx tinkiteb in-narrattiva li Yorgen Fenech ried jaħrab għax kien ikun leħaq salpa u sa filgħaxija kien ikun reġa’ ġie lura Malta!

One comment

Leave a Reply