Il-ġurnalisti tal-Mument xotti mill-aħbarijiet: il-ġurnal għadu jbati minn deċiżjonijiet ħżiena tal-passat
L-aħħar paġna tal-Mument tal-lum, il-ġurnalista veteran Joe Mikallef tana artiklu dwar xi mażżriet li għandu ma’ saqajh il-Prim Ministru Robert Abela. Huwa kiteb hekk fil-ftuħ tal-artiklu tiegħu:
“Il-Kitchen Cabinett tal-Prim Ministru Robert Abela, li tinkludi wkoll persuna jew tnejn mill-familja Abela, qed jagħtih il-parir li fit-tellieqa elettorali l-magna tal-Partit Laburista jkollha d-direzzjoni ċara biex taħdem ħalli l-Ministri Edward Zammit Lewis, Byron Camilleri u Justyne Caruana kif ukoll l-Eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u l-Eks Ministru Korrott Konrad Mizzi jibqgħu l-art u ma jkunux mażżra għall-Gvern ta’ Robert Abela”.
Hawn għandna każ ta’ ġurnal li ma għandux aħbarijiet x’iġib. Wieħed ma jiddedikax l-aħħar paġna għal storja li ma hija storja xejn. Dan is-sit ilu li ħareġ b’din l-aħbar! Fuq kollox il-kandidat Byron Camilleri qed jissogra li ma jitlax mhux minħabba l-allegat taħwid li hemm fil-ħabs imma għaliex il-laburisti rrabjati għalih għal mod ta kif tratta lil Kurunell Alex Dalli. MInn naħa l-oħra, Konrad Mizzi mhux ħiereġ għal l-el.ezzjoni imma xorta ħa jivvota bil-qalb lil Partit Laburista. Rosianne Cutajar taħdem ħafna fid-distrett li fih ħa joħroġ ukoll Robert Abela. Kont nistenna li din tkun parti integrali mill-analiżi ta’ dan l-artiklu. Imbagħad hemm kemm il-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Ministru Justyne Caruana li hemm rabja kontra tagħhom għaliex ħallew funzjonarji jgħaddu romblu fuq in-nies. Fil-każ ta’ Zammit Lewis minħabba kif id-deputat avukat ġenerali tela’ fuq rasu u fil-każ ta’ Justyne Caruana minħabba kif numru ta’ għalliema qed iħossu li ġew trattati mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Biss anki quddiem dawn il-kriżijiet, il-Partit Nazzjonalista mhux jirnexxilu javvanza.
Hawn ma għandniex storja imma analiżi politika li normalment wieħed isib fil-paġni ta’ ġewwa u mhux fl-aħħar paġna ta’ ġurnal. Dan ifisser li l-ġurnalisti tal-PN huma miftumin minn dak li qed jiġri fil-Partit Laburista. Ma hemmx dubju, li hemm trikki trakki interni fil-Partit Laburista. Imma dawn it-trikki trakki mhux qed jaslu għand il-ġurnalisti tal-Partit Nazzjonalista. L-istejjer tad-deputati li semma Joe Mikallef żgur li wasslu għal disgwid intern. Imma biex wieħed jipprova jislet dwar inkwiet li għandu l-Partit Laburista u li nafu bih, ifisser li hemm problemi biex dawn il-ġurnalisti jakkwistaw informazzjoni ġdida dwaru.
Hemm ħafna Laburisti li lesti jwasslu biss għal xi raġuni jew oħra, hemm problema kif dan jista’ jasal għand il-ġurnalisti tal-Partit Nazzjonalista. Meta kien hemm editur li beda jibni bil-mod strutturi biex jibda jkollu aħbarijiet esklussivi mill-kamp Laburista, tneħħa biex ntbagħat jaħdem l-Azad. Ma tneħħiex minn Bernard Grech. Ilu li kien tneħħa. Imma l-ħsara li saret fl-imgħoddi, qed ibati għaliha llum il-Partit Nazzjonalista.
Issa jekk dan l-artiklu sar biex il-Laburisti ma jgħażlux lil dawn id-deputati Laburisti fl-elezzjoni li ġejja allura ma setgħux għamlulhom riklam ikbar minn dan u mingħajr ħlas!
