Ġa qed jissemma li għandu jinbidel Bernard Grech

Bħalissa qed tissemma b’mod persistenti fil-Partit Nazzjonalisti li Bernard Grech għandu jinbidel. Hemm min fil-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-partit ma għandux jistenna l-elezzjoni u għandu jagħmel din il-manuvra llum qabel għada. Dak li jrid jingħad li dan id-diskors mhux qed jingħad minn dawk li kienu ma’ Adrian Delia imma minn dawk stess li għażlu lil Bernard Grech.

Żgur li fil-Partit Nazzjonalista mhux kollox ward u żahar bħalissa. U aktar u aktar, Dr. Bernard Grech mhux sejjer tajjeb. L-aħħar ġranet, konna xhieda ta’ numru ta’ tgħaffiġiet, waħda wara l-oħra, minn Dr Bernard Grech. Dak li ġara matul din il-ġimgħa kompla jikkonferma din l-opinjoni ta’ dawk li qed jinsistu li Bernard Grech għandu jitlaq jew jinbidel.

Għalhekk ma hu ta’ ebda skantament li qed jissemma vot ta’ fiduċja fih. Biss x’sens jagħmel li wieħed jitlob vot ta’ fiduċja jew elezzjoni oħra għall-kap ġdid issa li qiegħdin lejlet elezzjoni ġenerali?

Dawk l-istess nies li qegħduh kap issa qed jgħidu li Bernard Grech qatt ma kien il-bniedem ideali li kellu joħroġ għal dik il-pożizzjoni għaliex nieqes mill-esperjenza politika u mingħajr ebda ħjiel ta’ kif jaħdem partit politiku.

Hawn oħrajn li kienu u għadhom tal-fehma li sar żball kbir li tneħħa Adrian Delia. Ħafna ħasbu, speċjalment dawk li ħadmu biex ineħħu lil Delia, li kollox kien se jaqleb għall-aħjar kif jitneħħa Delia. Imma għarralhom bil-kbir u għaffġu waħda kbira. Imma għala ma għandix issir elezzjoni jew bdil ta’ kap issa?

Dawk favur din il-bidla tal-kap qed jgħidu li meta saret il-bidla is-sena l-oħra, ħafna sostenituri tal-partit kienu wkoll tal-fehma li l-elezzjoni ġenerali kienet fil-qrib u xorta marru għal din l-isfida.

Dawk kontra qed isostnu li meta Bernard Grech daħal għal din l-isfida, hu daħal għalija b’għajnejh miftuħin. Issa hemm bżonn li jibqa’ hu ħalli jieħu l-partit għal din it-taqbida elettorali.

Kulħadd jaf li kif sar kap, Bernard Grech beda mill-ewwel jipprepara lill-partit biex jilqa’ din l-isfida elettorali. Biss biss jekk inħarsu lejn in-numru kbir ta’ nies li dawwar madwaru u l-impjieg mogħti lill-istrateġisti, dawn kollha ġew impjegati biex iwasslu lill-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali.

Anki dawk ta’ miegħu qed jargumentaw li Bernard Grech għandu jibqa’ hemm sal-elezzjoni. Anzi dawn qed jippruvaw iħejju t-triq biex jibqa’ hemm anki wara t-telfa elettorali. L-argument tagħhom hu li jekk jinbidel il-kap issa ikun ifisser biss li reġgħet intilfet sena oħra ta’ ħidma biex il-Partit Nazzjonalista jkun f’pożizzjoni li jisfida lill-Partit fil-Gvern. Jekk jinbidel wara l-elezzjoni, jkun ifisser li waqqfu lil Bernard Grech mir-riformi li jrid jagħmel fil-Partit Nazzjonalista.

Sfortunatament ir-rewwixta li saret tant kienet zoppa li dawk li għamluha ma għarfux jistudjaw il-preġji, jew in-nuqqasijiet tagħha, qabel ma resqu lil Dr Grech għal dik il-pożizzjoni. Anzi, biex wieħed ikun onest magħhom, dawn qed jagħrfu l-iżball li għamlu bl-atteġġjamenti tagħhom.

Fis-sewwa, lejlet elezzjoni mhux iż-żmien ta’ tibdil. Jekk isir hekk apparti li jkun inħaraq ukoll Bernard Grech, ikun hemm ċans tajjeb li min jidħol minn floku, jieħu tkaxkira kbira u jkollu jinbidel huwa ukoll. Kemm jista’ jaffordja l-Partit Nazzjonalista li jaħraq kapijiet sakemm jinsab il-kap idoneu?

Leave a Reply