Għaliex il-Partit Nazzjonalista sejjer ħażin mal-elettorat? Ftit riflessjonijiet dwar il-kapijiet li kellu

Mill-2016, id-diskussjoni fil-Partit Nazzjonalista kienet waħda jekk il-kap tiegħu hux idoneu li jmexxi jew le. Fi tmiem snin, il-Partit Nazzjonalista kellu tliet kapijiet. F’inqas minn sena, beda jingħad li l-kap magħżul ma leħaqx l-aspirazzjonijiet li għalih intgħażel. Il-problema llum hija li l-kap preżenti qed ikun anki akkużat li l-anqas politiku tajjeb ma huwa.

Ħafna ilhom jgħidu li meta jitfaċċa xi ħadd minn barra mingħajr ebda xrara ta’ esperjenza tul ħajtu fil-partit ma jista’ jkun qatt kap tajjeb u idoneu. Din kienet akkuża li saret kemm lil Adrian Delia u issa lil Bernard Grech. Dan għaliex ma jkollu ebda idea ta’ kif jaħdem partit politiku u ta’ x’inhuma l-intriċċi u l-ħażen (fis-sens tajjeb) li jrid ikollu kap biex jiġbor madwaru l-grupp parlamentari.

Jekk immorru lura għall-kapijiet preċedenti nsibu li Ġorġ Borg Olivier kellu grupp ġenwin madwaru u hu kellu l-istuzja li jżommu magħqud miegħu kontra l-qawwa ta’ Duminku Mintoff.

Wara ġie Eddie Fenech Adami li kien jitkellem b’għajnejh u bil-mossi ta’ kif kien imiss iħokk idejh ma xulxin, għax mill-ewwel kienu jifhmuh ta’ madwaru. Ma jfissirx li ma jiddiskutix. Ma jfissirx li jaqblu f’kollox, imma Eddie kellu l-kapaċita’ li jżomm id-diskussjoni fuq livell ċivili u jasal ma ta’ madwaru kollha.

Lawrence Gonzi għadda minn żmien li beda jindika li mhux kull ma jleqq fil-partit tiegħu kien deheb. Beda jitwieled l-inkwiet u bdiet tinbet il-firda. Saħansitra waslet għal rewwixta ta’ persuna u kellu jmur għall-elezzjoni bi ftit inkwiet wara dahru mhux ħażin.

Simon Busuttil bl-istil tiegħu rnexxielu jiġbor madwaru lil kulħadd imma dawn kienu l-istess nies li kienu kabbru l-arroganza fis-snin ta’ qabel u li l-elettorat ma kienx għadu nesa. L-istess nies ingħataw l-aħjar pożizzjonijiet fix-shadow cabinet ta’ Busuttil u forsi dak kien l-iżball prinċipali tiegħu. Tant hu hekk li qala’ damdiema tajba fl-elezzjoni tal-2017.

Tfaċċa Adrian Delia u qamu l-irwiefen. Ikkonsidrawh bħala bniedem minn barra l-partit għalkemm kellu xi esperjenza fil-partit meta kien għadu iżgħar. Tbiddlet l-attitudni ta’ dawk id-deputati li mingħalihom il-partit kien tagħhom u kellu jibqa’ tagħhom. B’arroganza liema bħala għamlu l-ħajja tal-kap tagħhom impossibbli b’tali mod li spiċċa fl-agħar sitwazzjoni meta dan il-grupp ribelli għamlu ħilithom u rnexxielhom iwarrbuh.

Issa tfaċċa Bernard Grech li qatt ma kien f’xi sezzjoni tal-partit la llum u lanqas qabel. Dan ġabu f’sitwazzjoni diffiċli għalkemm kellu l-barka tal-klikka ribelli li tgħajru lil ta’ qablu. Biss jekk ma jkunx hemm l-istoffa neċessarja t-tragward ma jkun faċli għal ħadd. U fil-fatt hekk qed jiġri lil Dr Bernard Grech li spiċċa b’numru żgħir ħafna ta’ deputati li qed jappoġġjawh. Biss anki dawn, issa jidher li qed jabbandunawh.

Sewwa jgħidu ħafna li jekk ma jkollokx esperjenza ta’ kif jaħdem partit politiku tbati ħafna fit-tmexxija. Biex tkompli tgħaxxaqha Bernard Grech qed juża s-sistema ta’ ifred u saltan u rnexxielu jaqsam f’biċċiet il-grupp parlamentari tiegħu. Dak li jiġri meta tipprova tasal x’imkien bħala grupp u ma jirnexxielekx u tara kif tagħmel biex tibda tibgħat għan-nies wieħed wieħed u hekk iddawwar wieħed kontra l-ieħor.

L-agħar fost kollox meta taħseb li l-grupp parlamentari ma jitkellmux bejniethom u mingħalik li dak li tkun qed tagħmel huwa mistur minn oħrajn. Hawn fejn qed jiżbalja bl-ikrah Bernard Grech u se jasal f’sitwazzjoni li se jitfarrak hu (jekk mhux diġa’ mfarrak) u jkisser lil Partit Nazzjonalista miegħu.

Sfortunatament il-Partit Nazzjonalista għadu ma jistax isib saqajh mill-2008 ‘l hawn. Qabad niżla kerha u ma sab lil ħadd isewwielu l-brejkijiet biex jipprova jieqaf jitlef. Illum qed jidher li Bernard Grech ma hu ta’ ispirazzjoni għal ħadd u dak li għaddej fil-Partit Nazzjonalista bħalissa huwa garanzija ta’ tgħaffiġ agħar minn qatt kien hemm qabel.

Leave a Reply