Where your opinion counts

Matthew Caruana Galizia spiċċa jattakka lil Adrian Delia u waħħal fih li ommu spiċċat iżolata.

Issa drajna li kull meta ser ikun hemm smigħ fil-qorti ta’ xi kawża marbuta ma’ Yorgen Fenech, ikollna xi artiklu jew intervista fil-media kontra l-istess Yorgen Fenech. Nhar il-Ħadd, is-Sunday Times ma tagħtna l-ebda aħbar marbuta ma’ Yorgen Fenech. Minflok, kellna lil Matthew Caruana Galizia jagħti intervista lil Jon Mallia u l-bieraħ u llum kellna lill-ġurnali jikkummentaw dwar din l-intervista. Fi kliem ieħor, din l-intervista ngħatat jum qabel is-smigħ li sar illum il-Ġimgħa taż- żewġ kawżi marbuta ma’ Yorgen Fenech.

Biss Matthew Caruana Galizia aħjar ma tkellem xejn. F’din l-intervista ssemmiet l-istorja tal-karozza u għala tħalliet barra. L-issue prinċipali mhux għala l-karozza tħalliet barra, imma t-tliet verżjonijiet differenti li ngħataw għala din il-karozza tħalliet barra!

Biss din ma kienetx l-uniku anomalija li nnutajt f’din l-intervista.  Matthew Caruana Galizia evita għal kollox li jwieġeb dwar l-istorja li kienet kixfet ommu li Egrant kienet kumpanija fil-Panama ta’ Michelle Muscat. Mistoqsi minn Jon Mallia dwar Egrant, minflok ma ddefenda l-istorja ta’ ommu li kienet wasslet biex Joseph Muscat isejjaħ elezzjoni sena qabel żmienha, Matthew Caruana Galizia biddel is-suġġett u dawwar it-tweġiba tiegħu b’attakk fuq Dr. Adrian Delia.

Ta’ min ifakkar li fil-każ ta’ Egrant, Dr Delia ma kellu x’jaqsam assolutament xejn. Kien Dr Simon Busuttil li kien għamel l-istorja tiegħu u sejjaħ in-nies fit-toroq meta sirna nafu b’din l-istorja. Mhux talli hekk, talli Matthew Caruana Galizia żied jgħid li ommu kienet spiċċat iżolata għax bdiet tattakka lil Adrian Delia. Min-naħa tiegħu, l-intervistatur ma provax jissikka lil Matthew Caruana Galizia biex iwiegeb il-mistoqsija dwar Egrant u ħallieh jiżgiċċa ħafif.

Tul l-intervista ta’ sagħtejn u nofs, spikka l-mod ġwejjed li bih saru l-mistoqsijiet bħal donnu kien xi eżerċizzju ta’ public relations. Fil-fatt dan kien l-iskop u xejn aktar. X’differenza mill-aggressjoni li wera Mallia fil-konfront ta’ Robert Musumeci per eżempju. Jidher ċar li l-ġurnalisti tal-lum huma kkundizzjonati mill-familja Caruana Galizia.

Ir-raġuni tista’ tkun f’dak li qal Matthew Caruana Galizia stess waqt din l-intervista fejn ftaħar li l-Fondazzjoni tagħhom qed toħroġ il-flus għall-ispejjeż tal-qorti meta xi ħadd ifittex ġurnalist. Din il-ġimgħa rajna lil Dr Andrew Borg Cardona jiddefendi lil Julian Bonnici f’libel li fetaħlu Adrian Delia. Wieħed jistaqsi jekk din il-Fondazzjoni hix tagħti xi kontribut f’din il-kawża partikolari?

Sadattant waqt l-istess intervista Matthew Caruana Galizia qal li mhux bilfors li Joseph Muscat ħalla l-impunita tirrenja għal flus, għax skont Caruana Galizia jista’ jkun li ried biss il-poter. Tajba wkoll. Ammissjoni ċara li tikkontradixxi l-istorja ta’ Daphne u ta’ Simon Busuttil li Egrant kienet biex Muscat u familtu jibbenifikaw minn flus tal-korruzzjoni. Għaliex qed ibiddel il-verżjoni tal-fatti issa? Jaqaw il-familja Caruana Galizia leħqu xi ftehim ma’ Robert Abela? Jew dan hu każ ieħor fejn qed jinkixef li din il-familja ħlief tħarref fuq in-nies ma tafx?

2 thoughts on “Matthew Caruana Galizia spiċċa jattakka lil Adrian Delia u waħħal fih li ommu spiċċat iżolata.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *