Ryan Callus irid jiddeċidi jekk hux ma’ John Dalli jew ma’ tar-Repubblika

Ftit tal-ġranet ilu qrajna l-istorja mill-qorti dwar John Dalli. Ma għandi ebda intenzjoni li nidħol fil-kawża li minħabba fiha kien il-qorti s-sur Dalli. Fuq dan ktibt fi blog separat. Imma interessani ftit meta ħareġ mill-qorti u minn min kien jakkumpanjah. Ħdejh miexi fit-triq kien hemm ħaten il-viċi-president tal-kumitat sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħal Qormi. Dan huwa persuna viċin sewwa u minn dejjem kien qrib tas-Sur Dalli. Xejn ħażin. Anzi dejjem baqa’ leali lejn Dalli. . Chris Baldacchino kien surġent fil-pulizija. Kien imdaħħal ma’ John Dalli fl-aġenzija tal-ivvjaġġar li minħabba fiha u affarijiet oħra, Dalli kien spiċċa imneħħi mill-kabinett ta’ Lawrence Gonzi.

Bħalissa fil-parlament għandna deputat fuq Ħal Qormi li kien uża l-forza tiegħu kollha biex dak in-nhar tal-elezzjoni għall-kumitat sezzjonali f’Ħal Qormi jitilgħu ċertu nies u jibqgħu barra nies oħra. Dak in-nhar Ryan Callus kien għamel ħiltu kollha biex in-nies simpatizzanti ma’ Dr Adrian Delia jibqgħu barra mill-kumitat u jitilgħu nies li jimbotta hu, fosthom in-nies qrib ta’ John Dalli.

Ryan Callus tħabat ħafna biex ipoġġi lil ħaten is-Sur Baldacchino viċi-president tal-imsemmi kumitat. Qed ngħid dan għax Ryan Callus jaħdem qisu camaleonte. Iħobb jitmaħmaħ man-nies ta’ Repubblika. Fil-fatt rajnieh imur isellem lir-rappreżentanti ta’ Repubblika meta kienu qed jikkampjaw quddiem id-depot fil-Furjana. Huwa l-istess bniedem li ħa miegħu ħafna min-nies li kienu ikunu u forsi għadhom mitqiesha ta’ John Dalli.

Illum lil dan id-deputat qed nisimgħu fuqu wkoll dwar il-konsulenza, mhux uffiċjali, li huwa jagħti lil Dr Bernard Grech. Hu meqjus bħala l-uniku deputat iddikjarat viċin ħafna tal-kap tiegħu. Niftakru ukoll li dan id-deputat kien jistieden lill-kap ta’ qabel għal riċevimenti privati u personali u wara nafu wkoll kif ħareġ qatta’ bla ħabel kontra l-istess Dr Adrian Delia.

Għalhekk wieħed x’għandu jikkonkludi, meta jara nies bħas-Sur Baldacchino li kienu u għadhom viċin ħafna John Dalli qed jiġu mbuttati minn Ryan Callus? Mela wieħed jista’ jikkonkludi li jaħdem kif jaqbillu u jdur fejn jaqbillu. Dan huwa l-istess deputat li kif qrajna fuq dan is-sit daħħal fi sqaq lill-kap tiegħu fuq il-kwistjoni tal-cannabis. Ma tistax ma tikkonkludix li Ryan Callus jagħmel kollox għall-voti. Huwa jipprova jinħabb ma’ Repubblika biss fl-istess ħin jara kif jagħmel biex jiġbed lejh nies madwar John Dalli, meta nafu li bejn Repubblika u Dalli ma hemmx wisq ħbiberija. Hemm aktar nies li jirreferu għalihom bħala ta’ Dalli, li Callus tħabat kemm felaħ biex ressaq lejn il-kumitat ta’ Ħal Qormi.

Tar-Repubblika u Manuel Delia ser jiktbu jew jikkummentaw dwar dan il-fatt? Jew dawn jiktbu kif u fejn jaqbel lilhom?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *