Jekk Bernard Grech imur għal vot ta’ fiduċja quddiem il-Kunsill Ġenerali, iċ-ċans hu li jitilfu
Dan l-aħħar kien hemm id-diskussjoni fuq il-programm Xtra. Fost il-mistednin kien hemm George Vital Zammit li nafuh bħala opinjonista kif ukoll preżentatur fuq in-NET u fuq kollox kollega tiegħi l-universita’. Kienet diskussjoni li ffukat l-iżjed fuq il-Partit Nazzjonalista.
Kien għalhekk ta’ sorpriża meta smajt lis-Sur Vital Zammit jiddikjara li
“Il-każ tal-cannabis skantani ftit aktar għaliex anke meta jien staqsejt lill-kap tal-Oppożizzjoni kien qalli li din ħa titla’ fil-parlament, hemm diskussjoni għaddejja. Meta rajt l-istatement li ħareġ, ħassejt jiena, li ma rriflettix affarijiet li jien ħsibthom illi huma aċċettati, per eżempju, li bniedem ma jkunx kriminalizzat jekk għandu doża u allura d-decriminalization of cannabis. L-istatement li ħareġ il-Partit ħassejtu kien naqra iebes wisq u allura l-mistoqsija tiegħi kienet id-diskussjoni li saret f’dan l-aħħar xhur eżattament kif kienet?”
Mela hawnhekk għandna persuna, li b’xi mod hija qrib il-Partit Nazzjonalista li qed jiskanta fuq il-pożizzjoni meħuda mill-Partit Nazzjonalista fejn jirrigwardja l-cannabis. Kulħadd jaf li l-pożizzjoni ta’ Bernard Grech spiċċat dijametrikament opposta ta’ dak li kien qed jippriedka u jippreżenta qabel ma s-suġġett kannabis mar għad-diskussjoni fil-grupp parlamentari.
Hawnhekk George Vital Zammit ta ċanfira pulita li kull politiku għandu jixtar u jitgħallem minnha. Ħadd, hu min hu, ma għandu jressaq pożizzjoni personali jew ħsieb individwali quddiem il-poplu qabel ma jgħaddi mil-istrutturi kollha tal-partit tiegħu jew tagħha. Hekk ġralu Bernard Grech u kellu jibla’ ilsienu u jirtira dak kollu li kien qal.
U kien fuq dan il-ħsieb u għax jaf li hemm ferita miftuħa li s-Sur Vital Zammit kompla esprima opinjoni tiegħu wara din id-disfatta ta’ Bernard Grech, meta fl-istess program qal,
“Jiena naħseb li wasal iż-żmien illi Kap tal-Partit jekk hemm bżonn, iressaq Kunsill Ġenerali – (u jgħid) dawn huma l-idejat tiegħi ħa nerġa’ nitlob vot ta’ fiduċja fija nnifsi.”
Dan huwa statement qawwi biss ma naħsibx li ser jittieħed bis-serjeta’ minn Bernard Grech u s-segwaċi tiegħu. Dan għaliex Bernard Grech jaf li jekk illum imur għall-vot ta’ fiduċja, għandu ċans li saħansitra jista’ jitilfu! Għalhekk naħseb li dan is-suġġeriment ta’ Vital Zammit mhux ser jieħdu.
Is-Sur Mario Thomas Vassallo, ħabib u kollega kien il-mistieden l-ieħor fuq dan il-program. Dan stqarr xi ħaġa li toqros iżjed fil-laħam il-ħaj u li tweġġa’.
“L-ikbar problema għax il-Partit Nazzjonalista maqsum idejoloġikament, u toqgħodux tgħiduli imrewħa jew mużajk għax il-mużajk kollu xquq u hemm konsenturi hemm.”
Dawn huma fatt li ġabu b’idejhom il-liberali fil-Partit Nazzjonalista. Jingħad x’jingħad dawn huma minoritarjiet fil-Partit, rappreżentati mill-grupp ta’ Daphne u s-segwaċi tagħha li rnexxilhom ifarrku dan il-partit u jirrendu dan il-pajjiż mingħajr oppożizzjoni denja ta’ pajjiż demokratiku.
Dan il-pajjiż għandu bżonn ta’ oppożizzjoni b’saħħitha, ffokata, determinata u viżjonarja.
