Il-Politiku Franċiż Bruno le Maire u l-aħħar ktieb tiegħu

Analiżi mit-Tabib Hermann Farrugia

BRUNO Le MAIRE, 52 sena, ex-diplomatiku Franċiż li beda jimmilita fil-politika tradizzjonali taċ-ċentru-lemin iżda wara għażel li iservi bħala sostenitur ewlieni tal-politika ċentrista ta’ Emmanuel Macron (La République En Marche). Issa ilu mill-2017, Ministru tal-Ekonomija, Finanzi u fdat bir-riforma lejn ir-rikuperu nazzjonali Franċiż.

Iggradwa fix-xjenza politika u tħarreġ fl-arti tad-diplomazija. Laħaq iġġenera esperjenza internazzjonali vasta kemm dik diplomatika kif ukoll ministerjali. Meqjuż bħala wieħed mill-aktar politiċi fini, dinamiċi u soċjo-ekonomikament effettivi mhux biss Franza iżda mal-wesgħat vasti fl-ispektrum politiku Ewropew. Irrispettat mhux biss bħala l-id leminija tal-President Macron u spalla soda għalih għall-kampanja presidenzjali ‘22, iżda bħala l-moħħ u l-mutur prinċipali tar-rikuperu ekonomiku-soċjali Franċiż. Dan ġera ‘l quddiem qabel ma laħqu qamu l-ekonomiji ewlenin oħra tal-Ewropa (inkluża dik Ġermaniża). Tabilħaqq il-qawmiem ta’ ingaġġ ta’ xogħol produttiv, ta’ reorjentament industrijali u konsegwentement tal-purchasing power tal-familji tal-ħaddiema Franċiżi beda iseħħ taħt il-gwida tal-Ministru Le Maire. Dan ġara b’mod kważi immedjat wara li epidemjoloġikament bdiet tintrebaħ it-taqbida kontra l-pandemija Covid-19.

Kittieb prolifiku u ideatur fit-tfassil ta’ programm reġenerattiv FRANCE ’2030. Dan il-pjan ambizzjuż ser ikollu għad-disposizzjoni tiegħu mhux anqas minn 30 biljun euro li qegħdin ġia’ jintużaw sabiex Franza tkompli titħejja għall-isfidi tas-seklu 21, jiġu xprunati teknoloġiji ġodda, tiġi garantita’ l-indipendenza industrijali tagħha u sabiex tgħaġġel tiddekarbonizza l-ekonomija. Dan l-isforz qawwi kollu qed isir waqt li qiegħed iwitti t-triq għat-tragward tal-full employment. Għan ambizzjuż li ilu jiġi mfittex biex possibilment jintlaħaq tul deċennji sħaħ.

Bruno Le Maire għadu kemm nieda ktieb, ippubblikat dil-ġimgħa stess. Xogħol formidabbli li jasal ikattar tamiet ġodda b’sens ta’ ottimiżmu reali u kuntaġġjuż. Dan b’kuntrast frontali mal-arja ta’ inċertezza popolari, ta’ instabilta’ soċjo-ekonomika madwar il-faxex prekarji u ż-żoni demografiċi l-aktar marġinati. Spirtu ta’ konfront pożittiv kontra dak li qiegħed jiġi ttimbrat bħala dekadenza u saħansitra deklin politiku. Opra, xempju ta’ energija ġdida li taf tasal tikkumbatti l-allegazzjonijiet ta’ disprament kulturali li ilhom ipinġu xi oqsma tal-medja mgħejjuna minn sett ta’ politiċi maħkuma minn immobiliżmu u staġnar li bilfors jiġġenera l-pessimiżmu qalil.

Permezz ta’ din l-aħħar opra soċjo-letterarja tiegħu ‘Un Éternel Soleil’ ibbażata fuq esperjenzi aneddotali personali li laħaq ġabar tul il-kuntatt dejjiemi li ndokra ma’ ċittadini kostitwenti ‘komuni’, l-awtur jirrakkonta b’finezza, ġenwinita’ u maturita’ kif Franza rekoverata wara l-imxija tal-Covid19 taf miexja aktar mgħaġġla u bil-bosta ifjen milli ġeneralment jingħad mal-erbat irjieħ tan-Nazzjon Franċiż.

Madankollu irid jingħad li l-uniku biża’ razzjonali li jammetti li jbati minnu Bruno Le Maire huwa fejn jemmen li l-ġenerazzjoni ġdida ta’ politići żgħażagħ għad tara ‘it-tapit’ tal-indipendenza fl-azzjoni u tal-awtonomija tad-deċiżjoni tagħha mhux talli jiġi mirfus iżda kompletament miġbud minn taħt saqajha stess u dan mill-poter eżaġerat tal-gruppi diġitali multinazzjonali u li kull ma jmuru qegħdin jimponu l-agenda egoista tagħhom fuq il-qafas tal-politika dinjija.

Tabilħaqq il-Ministru Franċiż Bruno Le Maire jistħoqqlu jibqa’ deskritt bħala wieħed mill-ifjen imħuħ ta’ kalibru internazzjonali fil-qasam tal-politika Soċjo-ekonomika u kulturali ta’ żmienna.

Leave a Reply