Il-kawża ta’ Adrian Delia kontra Steward Healthcare ma hix waħda partiġġjana

Blog post minn osservatur politiku

Fil-kawża li qed jagħmel Dr Adrian Delia ma hemmx partiġġjaniżmu imma hija ġlieda nazzjonali għall-ġid tal-poplu kollu ta’ kull kulur politiku. Dan li tista’ tiddeduċi meta tisma’ lil Dr Adrian Delia jitkellem u jispjega fejn waslet il-kawża li hu fetaħ biex il-poplu Malti u Għawdxi jieħu l-isptarijiet lura minn għand il-privat.

Tisimgħu meta tisimgħu jitkellem qatt ma tieħu l-impressjoni li, jekk din il-kawża tintrebaħ, tkun xi kawża li minnha se jerbaħ hu personali jew il-Partit Nazzjonalista. Żgur li jekk jerġgħu jittieħdu lura u jitmexxew mill-Maltin ikun akkwist għall-poplu kollu Malti u Għawdxi.

Meta jkollok ġlieda nazzjonali ma jistax ikun li hemm qligħ mill-Partit Nazzjonalista. Ix-xewqa tal-maġġoranza tal-poplu hija li aħna ma nibqgħux niġu misruqa għal xejn. Dr Delia ħass li din il-mossa li l-isptarijiet jitmexxew mill-barrani kienet ħadma u li l-poplu kollu ma kien se jieħu xejn minnha. Għalhekk fetaħ u għaddej b’din il-kawża b’kemm għandu saħħa.

Qed jidher, minn dak li qed joħroġ fil-qrati, li Dr Adrian Delia għandu kull raġun jiġġieled din il-ġlieda. Qed ikun hemm ammissjonijiet waħda wara l-oħra li din il-kumpanija barranija ma għandiex il-ħeġġa li twettaq dak li ġie miftiehem u allura qed jidher li l-barrani kull ma qed jagħmel hu li jisloħ kemm jiflaħ il-kaxxa ta’ Malta li fuq kollox huma t-taxxi li kollha kemm aħna nħallsu bħala Maltin u Għawdxin.

Mill-intervisti li rajna u smajna f’dawn l-aħħar ġranet wara l-aħħar seduta fil-qorti, jidher ċar li dawn il-barranin ma għandhomx x’juru ta’ xogħolhom li allura tikkonkludi li verament dawn ma għamlu xejn minn dak li mniżżel fil-kuntratt. Jidher li ma għandhomx il-kapaċita u l-esperjenza biex jamministraw l-isptarijiet tagħna. Jidher ukoll li dak li kien miftiehem fil-kuntratt oriġinali bħala xogħol ta’ kostruzzjoni ma ġiex imwettaq.

Mela kif jista’ jkun li għad fadal Maltin u Għawdxin li jiddubitaw minn din il-ġlieda nazzjonali li qed jagħmel Dr Adrian Delia? Hawn min jieħu pjaċir li jkun misruq u ma jagħmel xejn biex jipprova jieħu dak li hu tiegħu bi dritt? Dr Delia l-uniku għan tiegħu huwa li f’pajjiżna jkollna sptarijiet oħra ‘state of the art’ bħal ma hu Mater Dei.

Dr Delia qed jiġġieled għal serviżż dejjem aħjar fl-isptarijiet kollha tagħna. Hemm bżonn li kulħadd jifhem li dan kien kuntratt li ma rendiex għax ma nħadimx tajjeb. Mela ejja b’kuraġġ nuru l-għadab tagħna għal dan is-serq kollu li hu għaddej. Ejja ngħinu biex inwaqqfu il-ħlasijiet ta’ dawn il-miljuni kollha għal xejn għax ma aħniex nieħdu dak li hu tagħna bi dritt. Ejja nikkonvinċu li għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi hemm bżonn li dawn il-miljuni jintefqu bis-sens biex jitgawdew mill-poplu kollu u mhux imorru fil-bir tas-skieken ta’ nies barranin.

One comment

Leave a Reply